Jitħabbar il-Prospectus tal-Istitut għall-Edukazzjoni b’diversi suġġetti ġodda


Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ħabbar it-tnedija tal-Prospectus tal-Istitut għall-Edukazzjoni bil-korsijiet li se jiġu offruti minn Ottubru ta’ din is-sena.

Il-Ministru Bonnici qal li: “bi pjaċir qegħdin inħabbru li żdiedu l-korsijiet fil-Baċellerat tal-Edukazzjoni fi tliet suġġetti oħra- il-Bijoloġija, il-PE u Hair and Beauty.  Dan apparti li żidna wkoll il-Master of Education fl-Etika u fil-Matematika. Nixtieq inħabbar ukoll li għal dawk l-għalliema li jgħallmu suġġett u jridu jkunu kkwalifikati biżżejjed biex jgħallmu suġġett ieħor li hu qrib is-suġġett li jgħallmu se jiġu offruti wkoll il-Postgraduate Certificates. Is-suġġetti li żdiedu huma l-Ospitalità, l-Agribusiness u Fashion and Textiles.” 


“Nafu kemm is-suġġetti vokazzjonali huma mixtieqa u għalhekk hemm bżonn li l-għalliema jkunu mħarrġa bil-kompetenzi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jwasslu lit-tfal tagħna għal-livell mixtieq bħal ma jsir f’kull suġġett ieħor. B’kollox ser inkunu qed noffru 29 kwalifika għal min jixtieq isir għalliem jew għal dawk li huma supply teachers imma jixtiequ jtejbu l-kwalifiki tagħhom biex isiru għalliema regolari.” żied jgħid Bonnici.

L-Istitut għall-Edukazzjoni se jkun qed joffri wkoll kors li huwa mfittex ħafna minn dawk li għandhom xewqa javvanzaw fil-karriera u jsiru kapijiet ta’ skejjel. Dan il-kors huwa Master Degree in Applied Educational Leadership li f’dawn l-aħħar sentejn li ġie offrut inħataf fl-ewwel ħdax-il minuta.

Fil-Prospectus hemm ukoll lista sħiħa ta’ madwar 44 Award li huma korsijiet qosra akkreditati dwar ammont ta’ suġġetti varji. Dawn ukoll isiru part-time u parti minnhom issir online filwaqt li uħud minnhom isiru kompletament online. Tnejn mill-korsijiet ġodda li dejjem kien hemm ix-xewqa li jiġu offruti huma Award in Educational Neuroscience u Award in Outdoor Learning li jittrattaw il-bioloġija tal-moħħ u l-mod prattiku kif it-tagħlim isir billi jintuża l-ambjent ta’ barra, rispettivament.

Il-Gvern huwa kommess li jżid l-aċċessibilità għat-taħriġ u dan qed isir ukoll permezz li l-korsijiet jiġu offruti part-time u wkoll partijiet minnhom online. Għalhekk l-opportunità li wieħed isir għalliem żdiedet ukoll.

Il-Prospectus jinsab online u fih il-kwalifiki kollha li qed jiġu offruti diġà flimkien ma’ dawk li se jkunu qed jiġu offruti ġodda meta joħorġu l-applikazzjonijiet fl-20 ta’ Mejju.

Niżżel il-prospectus minn dan il-LINK.

Share With: