Jitwaqqaf think tank dwar l-edukazzjoni t’għada fid-dawl tal-Covid-19 u ‘l hinn

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici ħabbar it-twaqqif ta’ think tank li għandu l-għan li joħroġ b’ideat, ħsibijiet u riflessjonijiet dwar is-settur edukattiv li rridu li jkollna fil-futur, fid-dawl tal-impatt tal-Covid-19 u ‘l hinn.

It-think tank se jkun magħmul mill-Professur Edward de Bono, il-Professur Richard England, Dr Frank Fabri, is-Sinjura Joanne Grima, is-Sinjura Julianne Grima, is-Sur Frederick Schembri u l-Perit David Xuereb, u se jkollu s-sostenn loġistiku u kordinattiv tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.  

Il-Ministru Bonnici rringrazzja lil dawn il-persuni distinti li aċċettaw li jifformaw parti minn dan il-grupp ta’ ħidma, u faħħar il-kwalitajiet kbar u l-esperjenza enormi li se jġibu magħhom għall-ġid tas-settur edukattiv. Huwa sostna li fi ħdan dan it-think tank hemm persuni li għandhom standing internazzjonali fil-kamp tal-filosofija, l-ħsieb u l-kreattività, persuni li speċjalizzaw fil-kamp tal-edukazzjoni, oħrajn li qed jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-kamp multimedjatiku u nies li ġejjin direttament minn u jirrappreżentaw l-industriji.  

“Huwa fid-dover tagħna li minn issa nantiċipaw id-dinja t’għada, sabiex inkunu fl-aħjar pożizzjoni li nantiċipaw l-isfidi u dawn, minn issa, naqilbuhom f’opportunitajiet,” qal il-Ministru Bonnici, u stieden lil dawn il-membri tat-think tank li jimirħu f’eżerċizzju ta’ bluesky thinking u jkunu miftuħin għall-ideat kreattivi kollha.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li l-grupp mistenni jħares lura, jifhem il-mument u bi kreattività u bil-qies fil-ħsieb jipprova jagħti titwila lejn ġejjieni possibbli. Hu qal li t-think tank ser ikun qed jagħmel il-konsultazzjonijiet opportuni u se jkun qed jippreżenta r-rapport tiegħu. 

“Dan ir-rapport hu mistenni li jkompli jqanqal riflessjoni, diskussjoni u azzjoni bl-iskop li s-sistema edukattiva tkompli tittejjeb u timxi ‘l quddiem,” sostna Frank Fabri.

Ir-rapport mistenni li jkun finalizzat sa mhux iktar tard minn nhar it-Tnejn, 14 ta’ Settembru 2020.

Share With: