Joqtol lil martu billi jitfgħalha serp velenuż wara li attentat simili xahrejn ilu kien fallielu

Raġel safa arrestat talli allegatament qatel lil martu billi ħeles lil cobra fil-kamra tagħha. Dan wara li attentat preċedenti b’serp ieħor velenuż kien falla. Dan qalitu l-Pulizija fl-istat ta’ Kerala fl-Indja.

Il-Pulizija qalet li r-raġel ta’ 27 sena, identifikat bħala Sooraj, kien għamel kuntatt ma’ diversi persuni ma’ sidien ta’ srieq u kien anke qagħad jara filmati fuq is-sriep fuq l-internet.

Sooraj kien xtara serp velenuż – viper – f’Marzu li għadda, bis-serp eventwalment jigdem lil martu, Uthra. Il-mara kellha tinżamm l-isptar għal xahrejn sħaħ sakemm irċeviet il-kura meħtieġa.

Wara li ġiet rilaxxata mill-isptar il-mara kienet qed tkompli tirkupra fid-dar tal-ġenituri tagħha meta aktar kmieni dan ix-xahar żewġha xtara serp ieħor, din id-darba cobra, u tefgħu fuqha waqt li din kienet rieqda.

Rapport tal-Pulizija jindika li r-raġel baqa’ fl-istess kamra flimkien ma’ martu daqslikieku ma kien ġara xejn.

Minkejja l-isforzi tat-tobba biex isalvawlha ħajjitha, il-mara mietet kaġun tal-gidma velenuża tas-serp.

Il-koppja kellhom tarbija ta’ sena.

Il-Pulizija qalu li arrestaw ukoll lir-raġel li biegħ is-serp lil Sooraj.

Share With: