Juventus interessati fis-servizzi ta’ Jeremie Boga

Juventus daħlu fit-taqtiegħa biex jiksbu s-servizzi tal-player ta’ nofs il-ground ta’ Sassuolo Jeremie Boga. Huwa għandu 23 sena u spikka ferm man-Neroverdi speċjalment fil-qalba ta’ nofs il-ground.

Il-Bianconeri qed jaħsbu biex ikun is-sostitut ta’ Douglas Costa li mistenni jħalli liċ-champions Taljani fl-aħħar ta’ dan l-istaġun.

Boga ngħaqad ma’ Sassuolo sentejn ilu mingħand Chelsea għas-somma ta’ €5.5 miljun għalkemm il-Blues żammew xi drittijiet fuq x’jiġri mill-player fil-futur.

Sadanittant il-prezz ta’ Boga tela’ għal €30 miljun b’Juventus kif ukoll Napoli li wkoll daħlu fit-taqtiegħa.

Boga ġej mill-Ivory Coast u lagħab 49 partita ma’ Sassuolo filwaqt li skorja 11-il goal. Fil-passat huwa lagħab ukoll ma’ Granada, Birmingham u Rennes.

Share With: