Kafetterija fil-Korea t’Isfel “timpjega” robots biex timminimizza t-tixrid tal-Covid-19

Il-kafetterija Daejeon fil-Korea t’Isfel “impjegat” waiters robotiċi bil-għan li timminimizza kemm jista’ jkun it-trasmissjoni tal-virus tal-Covid-19.

Aktar minn 11,000 persuna ġew infettati bil-Covid-19, b’267 persuna jmutu fil-Korea t’Isfel, hekk kif il-pajjiż issa qed jagħmel tranżizzjoni minn regoli ta’ social distancing intensivi għal oħrajn li minkejja li xortja jirrikjedu element ta’ social distancing jippermettu lin-nies biex iqarrbu lejn il-ħajja normali tagħhom.

Lee Dong-bae, direttur tar-riċerka ta’ Vision Semicon, qal li r-robots se jkunu qed jgħinu lin-nies josservaw is-social distancing fil-pubbliku.

“Is-sistema tagħna ma tirrikjedi l-ebda intervent min-naħa tal-bniedem tul il-proċess sħiħ minn mindu ssir l-ordni sat-tqassim tal-prodotti ordnati,” saħaq Lee.

Apparti l-wejter robotiku, il-kafetterija qed tagħmel użu minn id robotika li tipprepara x-xorb tal-klijenti – fosthom kafè u tè – mingħajr il-ħtieġa tal-bniedem li jagħmel kuntatt dirett mat-tazzi tal-klijenti.

Il-kumpanija qed timmira li tforni lil mill-inqas 30 kafetterija bit-teknoloġiji tagħha sa tmiem din is-sena.

Share With: