Kif iffaċjajt l-imxija tal-Covid-19 billi naħdem mid-dar

Minn MARIA MERCIECA, persuna b’diżabilità li taħdem fis-segretarjat mal-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fl-Informatika (FITA)

Qabel l-imxija tal-Covid 19 waqqfet lid-dinja kollha, il-ħajja tagħna kienet mgħaġġla, konna indipendenti u konna nieħdu l-ħajja kif tigi. Il-persuni b’diżabilità kienu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom biex ikollhom xogħol u jkunu jktar indipendenti fis-soċjetà. Sfortunatament, mhux kull persuna b’diżabilità għandha l-lussu li tista’ fiżikament tkun preżenti fuq il-post tax-xogħol. Li taħdem mid-dar kienet xi ħaġa barra min lokha għal ħafna mill-kumpaniji madwar id-dinja u konsegwenza ta’ hekk spiss persuni li għandhom nuqqas ta’ mobilità ma kellhomx opportunità li jaħdmu minn darhom u jkunu produttivi lejn il-kumpanija. Meta l-COVID-19 inxterdet madwar id-dinja, il-kapijiet ħolqu strateġija fil-kumpanija tagħhom li tiprovdi aċċess li l-impjegati jaħdmu mid-dar tagħhom.

L-idea li jaħdmu mid-dar ma kinitx barra min-normal biex jiġi evitat l-imxija tal-virus filwaqt li tinżamm id-distanza. Dan kien fattibbli għal ħafna nies, speċjalment għal persuni li għandhom nuqqas ta’ mobilità.  Jiena nuża t-teknoloġija biex ikolli aċċess aħjar għas-servizzi u l-informazzjoni. Nagħmel dan billi nuża ‘mini keyboard’, ‘laser mouse’ u nagħmel użu ukoll mill-‘isticky keys’ li jinsabu fil-kompjuter stess. B’hekk jien stajt naħdem bħal kull persuna li m’għandhiex diżabilità. 

F’Marzu 2020, bħal kull pajjiż madwar id-dinja, Malta ġiet imwaqqfa mill-kwotidjanità ta’ kuljum minħabba l-COVID-19. Il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità fl-Informatika (FITA), fejn jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 11 il-sena għażlet li tagħmel l-istess biex iżżomm lill-ħaddiema tagħha mingħajr perikli u fl-istess ħin tibqa’ tmexxi ħafna mis-servizzi u miżuri favur l-aċċessibilità li kellna qabel dan il-virus.

Mill-perspettiva tiegħi, peress li għandi nuqqas ta’ mobilità, sibt li dan il-pjan hu fil-vantaġġ għalija. Minkejja dan, kieku jkolli nagħżel li naħdem mill-uffiċċju, minħabba l-fatt li tmur fl-uffiċċju, se tiltaqa’ mal-kollegi u tħossok parti minnhom u tiltaqa’ ma’ ħafna nies ġodda. Jiena bħal kull persuna oħra kelli naddatta għal din is-sitwazzjoni, biss nammetti li dawn iċ-ċirkostanzi mhumiex straordinarji għax jekk ikollok għodda aċċessibbli, allura inti tkun tista’ tagħmel parti mill-kollegi virtwalment. 

Jiena qiegħda nagħmel kors dwar ‘Certificate in Disability Studies’ fl-Università ta’ Malta. Dan il-kors hu ferm interessanti u qed jgħinni nżid iktar għarfien dwar persuni b’diżabilitajiet differenti. Dan jiswili ħafna fix-xogħol mal-FITA. Meta applikajt, il-fakultà tatni għażla li nagħmlu online. Għalkemm bil-COVID-19 aħna l-istudenti bqajna nsegwu dan il-kors permezz ta’ Zoom u Google meetings, jiena xorta waħda kont iffortunata li kelli l-opportunità li nagħmlu mid-dar tiegħi għax hekk stajt insegwi u nipparteċipa waqt il-lezzjonijiet mingħajr ma nirriskja saħħti.

Riċerka li saret minn https://www.teenvogue.com/story/disabled-people-react-to-coronavirus-work-from-home-accommodations sabet li għal persuni li għandhom nuqqas ta’ mobilità li qegħdin jaħdmu mid-djar tagħhom, l-arranġamenti li saru ma kinux impossibbli, u l-kumpaniji kisbu l-istess produttività. Inħoss li t-teknoloġija għallmitna naprezzaw aktar li nkunu magħqudin ma’ ta’ madwarna.

Share With: