“Kuntenti li l-qrati m’għadhomx jagħlqu għajnejhom għall-abbuż tal-annimali”

Attivista favur l-annimali b’reazzjoni għas-sentenza tal-Karkariż li sabbat kelb mal-komodina

Rosalind Agius, attivista favur l-annimali u s-Sanctuary Manager tal-Assoċjazzjoni tal-annimali abbandunati (AAA) qalet li taqbel totalment mad-deċiżjoni tal-Qorti wara li Leon Borg, Karkariż ta’ 23 sena, ġie kkundannat sentejn ħabs u €5000 multa wara li sabbat il-kelb tal-familja mal-komodina għal darba darbtejn.

Agius qalet li l-unika ħaġa li kieku kienet iżżid kienet li r-raġel kien ikun ipprojbit milli qatt jerġa’ jkollu kelb ieħor matul ħajtu kollha għaliex l-ebda kelb ma jistħoqqlu l-istess destin. “Aħna kuntenti ħafna. Fl-aħħar nistgħu ngħidu li l-Qrati m’għadhomx jagħlqu għajnejhom għall-abbuż tal-annimali. Din hija ċertament it-triq ‘l quddiem.”

L-inċident seħħ fil-21 ta’ Lulju 2019 meta l-Pulizija rċeviet rapport li Leon Borg kien qed ikun aggressiv fid-dar t’ommu tant li kisser ukoll it-televixin ta’ ħuh.

Meta l-pulizija marru fuq il-post sabuħ fuq il-bejt u meta niżel u staqsew jekk ħax xi pilloli wieġeb li le anke jekk għaddilhom 45 pillola. Sakemm kienu qed jitkellmu miegħu huwa daħal fil-kamra tas-sodda, qabad it-telefon ċellulari minn idejn ħuh u sabtu mal-art.

Il-kelba tar-razza Chiuaua, bl-isem Otis, beda jinbaħ u kien hawn li Borg qabdu minn dahru, qabadlu saqajh u sabtu darbtejn fuq il-komodina. Il-pulizja mill-ewwel intervjenew u waqqfuh milli jkompli jsawwat lill-kelb għalkemm beda jirreżisti tant li wieħed mill-pulizija weġġa’ ħafif.

Huwa ttieħed l-għassa ta’ Birkirkara fejn imbagħad tressaq il-Qorti bil-Maġistrat Joseph Mifsud ikkundannah għall-attakk fuq il-kelb. Il-Maġistrat Mifsud ikkundanna wkoll l-attakk fuq il-Pulizija fejn insista li dawn iridu jkunu protetti u ħadd mhu skużat li jheddidhom jew iweġġgħahom.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Christina Delia waqt li Borg kellu jassistih lill-Avukat Simon Micallef Stafrace.

Fis-sentenza tiegħu fil-konfront ta’ Leon Borg, il-Maġistrat Joe Mifsud rrimarka li għalkemm il-maġġoranza tal-poplu tħobb l-annimali ried jibgħat messaġġ b’saħħtu lil dawk li jwettqu atti ta’ moħqrija fuqhom għax dawn mhux aċċettabbli.

Il-Maġistrat Mifsud ikkwota lill-politiku u statista Indjan Mahatma Gandhi meta qal li l-kburija ta’ pajjiż titqies mill-mod kif jittratta l-annimali.

“Sfortunatament f’dan il-kuntest il-poplu Malti ma tantx għandux għaliex jiftaħar fejn minn żmien għal żmien qegħdin joħorġu rapporti u ċirkostanzi ta’ moħqrija ta’ annimali li jiddisturbaw il-kuxjenza tal-maġġoranza li għandhom għal qalbhom il-ġid tal-annimali”.

Share With: