L-awtoritajiet Amerikani jawtorizzaw l-użu tal-mediċina Remdesivir biex jikkuraw il-coronavirus

L-Amministrazzjoni Amerikana għall-Ikel u Mediċinali (FDA) awtorizzat l-użu tal-mediċina remdesivir, li normalment tintuża biex tikkura l-Ebola, fil-kura kontra l-coronavirus.

L-awtorizzazzjoni jfisser li issa din il-mediċina tista’ tintuża fuq dawk il-pazjenti li jkunu qed ibatu minn Covid-19 sever.

Madankollu esperti wissew li din il-mediċina – li oriġinarjament kienet żviluppata biex tittratta l-Ebola u li hija manifatturata mill-kumpanija tal-farmaċewtika Gilead – m’għandhiex titqies bħala s-soluzzjoni kontra l-coronavirus.

Waqt laqgħa li kellu mal-President Amerikan Donald Trump, il-Kap Eżekuttiv ta’ Gilead, Daniel O’Day, qal li l-awtorizzazzjoni tal-FDA kien pass importanti. Huwa qal li l-kumpanija se tkun qed tagħmel donazzjoni ta’ 1.5 miljun doża tal-mediċina.

X’nafu dwar remdesivir?

Il-President Trump wera l-appoġġ tiegħu għall-mediċina fil-kura kontra l-coronavirus b’mod voċiferu.

F’testijiet kliniċi li saru l-Istitut Nazzjonali Amerikan għal Allerġiji u Mard Infetiv (NIAID) sab li r-remdesivir niżżlet il-perjodu li fih dehru s-sintomi tal-coronavirus minn 15-il ġurnata għal 11. It-testijiet li saru kienu jinvolvu lil 1,063 persuna fi sptarijiet madwar id-dinja. 

Madankollu minkejja li r-remdesivir tista’ tgħin biex wieħed jirkupra mill-Covid-19 – u possibbilment tista’ tgħin biex persuni ma jiddaħħlux għal kura intensiva – it-testijiet li saru ma tawx indikazzjoni ċara dwar jekk tistax tipprevjeni mwiet mill-coronavirus.

Share With: