L-ekonomija ta’ Għawdex

Fil-ħafna diskors siewi li qed isir dwar il-problemi li se taffaċċja l-ekonomija ta’ pajjiżna, ma tantx qed isir fil-fehma tiegħi, biżżejjed analiżi ta’ kif qed tintlaqat l-ekonomija ta’ Għawdex, bħala Għawdex, mill-imxija tal-corona virus.

Kemm-il darba ntqal li l-kriżi hi waħda “simetrika” – għax tolqot lill-pajjiżi u r-reġjuni kollha bl-istess forza. Din hi fehma żbaljata fis-sens li l-effetti tal-kriżi ma jinħassux bl-istess manjiera. Dan japplika għall-kontinent Ewropew u għar-reġjuni tiegħu, inkluż f’Malta.

L-ekonomija Għawdxija hi wisq aktar dipendenti fuq servizzi u biedja minn ta’ Malta. It-turiżmu intern u estern saru jikkostitwixxu l-għerq ta’ kif il-flus iduru f’Għawdex. Intlaqtu bil-goff.

Hemm bżonn ta’ pjan għall-irkupru f’Għawdex imfassal skont il-karatteristiċi tal-gżira, differenti minn ta’ Malta.

L-esiġenza tmur lil hinn sew mill-issettjar ta’ għajnuniet lil dan u dak it-tip ta’ negozju.

***

IL-BNIEDEM U L-BHEJJEM

Qed jitqajjem tajjeb il-punt li bil-mod kif laqtitna l-imxija tal-corona virus, aħna l-bnedmin irridu niflu mill-ġdid u sew ir-relazzjoni tagħna mal-annimali. Inqisu bħala xi ħaġa naturali li d-dinja hi “tagħna”. Ipprovajna nikkapparraw kull rokna tagħha. L-ispazju tal-annimali l-oħra ċekkinnieh bla ħniena.

U l-viri u l-mikrobi li l-annimali l-oħra jġorru u rnexxielhom irażżnu bdew ħerġin min fejn rassejna lill-annimali l-oħra u deħlin fuqna.

Kemm ilna fl-ispazji li kkapparrajna, ġisimna ma lestiex il-mekkaniżmi meħtieġa biex nilqgħulhom bħal ma rnexxielhom jagħmlu l-bhejjem li qridnielhom il-foresti fejn kienu jgħixu.

Li nħallu lill-annimali “slavaġ” spazju biżżejjed fil-foresti u ġungli fejn jgħixu hu fl-aqwa interess tal-bnedmin, mhux biss tal-bhejjem.

***

KURŻITÀ

Il-ġurnal influwenti Franċiż “Le Monde” ħareġ bi storja sensazzjonali dwar Malta. L-ambaxxata tagħna għall-Unjoni Ewropea fil-qalba ta’ Brussell, li nxtrat u ġiet rinovata mill-gvern ta’ Gonzi, serviet sa minn dak iż-żmien, bħala bejta minn fejn iċ-Ċiniżi jistgħu jispjunaw fuq il-bini tal-Kummissjoni Ewropea faċċata tagħha.

Dan għax biex ilaħħaq ma’ din l-ispiża, l-gvern Nazjonalista ta’ dak iż-żmien straħ fuq fondi Ċiniżi. Min-naħa tagħhom, dawn fetħu tieqa għal spjunaġġ fuq l-Ewropa mill-bini. L-artiklu jagħti dettalji konkreti dwar il-biċċa. M’għandhiex tkun ħaġa diffiċli biex jiġu verifikati.

Il-kurżità tiegħi hi din: Kif se jqisu u jittrattaw din l-istorja ċerti oqsma tal-midja Maltija u tal-għaqdiet volontarji? Se jiskandalizzaw ruħhom b’li jkunu qraw u jaħdmu qatigħ ħalli jagħfsu fuq l-istorja, qisha kienet Vanġelu, u jaraw kif u għaliex? Wara kollox, matul is-snin tal-amministrazzjoni Muscat, għamlu dan il-ħin kollu.

Jew se jagħlqu ħalqhom u għajnejhom u widnejhom? Se jagħmlu tabirruħhom li ma qalu, ma raw u ma semgħu xejn?

Share With: