L-Insetti u s-Simetrija

Minn Sarah Galea – Programme Development Executive, Esplora

L-insetti jiffurmaw kważi 75% mill-annimali kollha li nafu bihom fid-dinja. Ix-xjenzjati s’issa ddokumentaw iktar minn miljun tip ta’ insett differenti. Dawn jirreferu għalihom ukoll bħala speċi differenti ta’ insetti. Hemm min jaħseb li jeżistu madwar 10 miljun speċi oħra ta’ insetti li għad irridu niskopru. 

L-insetti għandhom rwoli differenti u important madwar id-dinja li ngħixu fiha. Mingħajrhom id-dinja tkun differenti ħafna minn kif nafuha llum. L-insetti għandhom rwol important bħala ‘pollinators’ għal ħafna fjuri li naraw fis-siġar u fil-pjanti. Meta insett imur fuq dawn il-fjuri jseħħ proċess li jgħinhom isiru frotta ‒ li aħna nieħdu pjaċir nieklu ta’ kuljum. Grazzi għall-ħafna insetti li jżuru dawn il-fjuri waqt li jkunu qegħdin ifittxu l-ikel, aħna jkollna l-varjetà ta’ frott u ħaxix li nieħdu gost nieklu u nsajru. 

Ħafna insetti huma wkoll sors ta’ ikel għal ħafna annimali oħra, fosthom l-amfibji, ir-rettili, l-għasafar u l-mammiferi. Ġieli kilt ġurat? Waqt l-aħħar attività li kellna ġewwa l-Esplora għal Halloween, kelli ċ-ċans nipprova ġurat imsajjar, u jien u numru ta’ nies oħra kollha qbilna li kien pjuttost tajjeb bħala togħma! Kieku inti kont tippruvah? 

Hemm numru ta’ karatteristiċi li huma preżenti fl-insetti li jagħmluhom differenti minn annimali oħra. Trid naraw kif nistgħu nagħrfuhom? Kull insett għandu tliet pari saqajn. Kull sieq tinqasam fi tliet biċċiet differenti. Huma għandhom ukoll qoxra fuq barra li jgħidulha ‘exo-skeleton’, li tfisser skeletru fuq barra. Din il-qoxra hija speċi ta’ lbies protettiv li jipproteġi l-ġisem kollu, bħal dak li jilbes suldat. Hija din il-qoxra li tgħin lill-insetti jgħixu f’postijiet fid-dinja fejn annimali oħra ma jirnexxilhomx; hija tipproteġihom mill-perikli li jista’ jkun hemm fl-ambjent ta’ madwarhom.  Fattur ieħor li tista’ tinnota fl-insetti huwa li kollha għandhom ġisem li huwa magħmul minn tliet biċċiet differenti. Ir-ras, it-toraċi u l-addome (iż-żaqq).

Fuq rashom ħafna mill-insetti għandhom tip ta’ għajnejn li jgħidulhom ‘compound eyes’ , ġabra ta’ għajnejn ħdejn xulxin. Ħafna minnhom għandhom ukoll żewġ antenni li flimkien ma’ għajnejhom jgħinu lill-insett jara x’hemm madwaru. 

Numru kbir ta’ insetti, iżda mhux kollha, għandhom par jew żewġ pari ġwienaħ. Dawn il-ġwienaħ jagħmlu parti mit-toraċi. F’din il-parti tal-ġisem hemm muskoli li huma veru b’saħħithom. Huma dawn il-muskoli li jgħinu biex l-insett ikun jista’ jtir u jimxi. Xi ftit insetti li jaf diġà ltqajt magħhom huma l-friefet u n-naħal li għandhom żewġ pari ġwienaħ, kif ukoll id-dubbiena u n-nemusa li għandhom par. 

Ħaġa li wieħed jista’ jinnota meta jħares lejn l-insetti hija kif kollha kemm huma juru livell ta’ simetrija. Ħafna mill-insetti għandhom dik li ngħidulha simetrija bilaterali. Dan ifisser li jekk wieħed ikollu jaqta’ linja dritta f’nofs l-insett jinnota kif l-insett huwa l-istess fuq iż-żewġ naħat. 

Tistgħu forsi taħsbu f’xi annimali oħra li għandhom simetrija bilaterali li mhumiex insetti? Il-brimb huma tip ieħor ta’ annimal li jesibixxu s-simetrija bilaterali. Anke l-bniedem huwa simetriku b’dan il-mod.  

Share With: