L-ixjeħ mara fi Spanja tegħleb il-coronavirus fl-età ta’ 113-il sena

Mara ta’ 113-il sena, li hija maħsuba li hija l-ixjeħ persuna fi Spanja, irnexxielha irkupra mill-coronavirus f’dar tal-anzjani li fiha bosta anzjani oħrajn sfaw vittmi tal-virus qattiel. Dan sar magħruf minn stqarrija li ħarġet l-istess dar tal-anzjani.

Maria Branyas, li twieldet fl-Istati Uniti, ġiet infettata bil-virus f’April li għadda, bid-dar tal-anzjani “Santa Maria del Tura” tinsab fil-belt ta’ Olot fil-Lvant tal-pajjiż. Hija ilha residenti fid-dar għal dawn l-aħħar 20 sena. Il-mara rnexxielha tegħleb il-virus waqt li kienet qed tinżamm f’iżolament fil-kamra tagħha.

Kelliema għad-dar tal-anzjani, f’kummenti lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP, qalet li l-anzjana tinsab f’qagħda ta’ saħħa tajba.

Branyas, omm ta’ tlieta, kienet ilha għal dawn l-aħħar ġimgħat f’iżolament, b’ħaddiem wieħed biss liebes ilbies protettiv jitħalla jidħol ħdejha.

Share With: