L-MCAST jilħaq lill-istudenti biex jelimina l-qasma diġitali

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, l-MCAST sellef 83 tagħmir elettroniku li jinkludi kompjuters, laptops u tablets lil studenti sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fit-tagħlim onlajn minn djarhom.

Bl-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha fid-dawl tal-COVID-19, minn Marzu l-MCAST qaleb immedjatament għat-tagħlim onlajn. L-edukaturi tal-istudenti kkomunikaw malistudenti li kienu nieqsa mill-klassijiet onlajn u identifikaw lil dawk li ma kellhomx aċċess għal apparat diġitali.

L-MCAST għamel donazzjonijiet ukoll permezz tal-fond Help Me Succeed biex jappoġġa lillistudenti li ma kellhomx it-tagħmir meħtieġ biex itemmu l-istudji tagħhom b’suċċess. Xi tagħmir qiegħed jiġi misluf ukoll mil-workshops u l-laboratorji tal-Kulleġġ biex jgħin lill-istudenti f’xogħol prattiku jew proġetti.

Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Prof Joachim James Calleja, iddeskriva din l-inizjattiva bħala sforz kollaborattiv bla heda mill-istaff amministrattiv u l-letturi sabiex l-ebda student ma jitħalla barra. “Fl-organizzazzjoni tat-tagħlim onlajn, għandna nqisu d-diversità tal-istudenti tagħna. It-tagħlim onlajn għandu l-isfidi tiegħu. Il-prijorità tagħna hi li niżguraw li l-istudenti kollha tagħna jkollhom aċċess għat-tagħlim, inklużi r-riżorsi u l-apparat li hemm bżonn.”

Meta kkummentat dwar din l-inizjattiva, il-maniġer ta’ appoġġ għall-istudenti Marina Sceberras qalet,“Is-sitwazzjoni pandemika ħolqot sfidi partikolari għal dawk li diġà qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji jew soċjali. Għandna studenti li kellhom jibdew ifittxu impjieg alternattiv part-time. Xi studenti huma dawk li jieħdu ħsieb il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom. Li toffri appoġġ lill-istudenti kollha tagħna, speċjalment dawk li qed jiffaċċjaw diffikultajiet, huwa sforz
kollettiv tant meħtieġ.”

Il-Kunsill Studenti MCAST (KSM) laqa’ wkoll din l-inizjattiva fejn qal li bħala kunsill se jkompli jaħdem biex jiżgura komunikazzjoni kontinwa bejn l-istudenti, il-maniġment u l-amministrazzjoni anke f’dan iż-żmien meta l-istudenti mhumiex fuq il-kampus. Tajjeb jingħad li dan is-self imsemmi hawn fuq huwa apparti t-tablets u wkoll tagħmir ieħor li tqassmu b’self mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol taħt l-iskema għal studenti li ġejjin minn familji meqjusa bħala vulnerabbli.

Share With: