L-MHRA tilqa’ l-appoġġ tal-Gvern għal taħriġ onlajn lill-ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu

Is-settur turistiku se jkun kruċjali biex l-ekonomija Maltija terġa’ tiġi fuq saqajha. Qalet dan l-MHRA filwaqt li ħabbret id-disponibbiltà ta’ aktar minn 1,800 kors onlajn b’xejn provduti mill-esperti fi ħdan Forbes Travel Guide u diversi organizzazzjonijiet oħrajn, intenzjonati biex il-ħaddiema fl-industrija jingħataw taħriġ u jespandu l-kapaċitajiet tagħhom.

Tony Zahra, il-President tal-MHRA, qal li “l-industrija tat-turiżmu f’Malta s-sena li għaddiet ammontat għal €2.1 biljun mill-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna li jammonta għal madwar €12.5 biljun. Bil-miżuri li ġew fis-seħħ, l-MHRA qed tistenna tnaqqis sinjifikanti mill-industrija fix-xhur li ġejjin.”

Huwa rrefera għall-miżuri ta’ għajnuna mnedijin mill-Gvern f’għajnuna lill industrija bħala importanti, filwaqt li tenna li għaddejjin taħditiet biex dawn il-miżuri jiġu estiżi fid-dawl tal-aħħar żviluppi tal-pandemija.

L-MHRA intant laqgħet l-inizjattiva imnedija mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex tappoġġja l-opportunitajiet f’taħriġ onlajn b’xejn lil impjegati fl-industrija tat-turiżmu, l-ivvjaġġar u l-ospitalità.

Apparti l-opporunità tat-taħriġ, il-ħaddiem se jkunu qed jiġu provduti wkoll b’pariri dwar il-karriera.

Għal aktar informazzjoni dwar l-aċċess għal dawn il-korsijiet b’xejn, wieħed jista’ jżur https://winning.mhra.org.mt jew iċempel fuq 21318133.

Share With: