L-MIA bi tnaqqis ta’ 99% fin-numru ta’ passiġġieri f’April

L-impatt kbir li qed tħalli l-imxija tal-COVID-19 fuq l-industrija tal-avjazzjoni kompla jimmanifesta ruħu, bl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jirrapporta tnaqqis ta’ 99.64% fin- numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’April li għadda meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019.

Filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien diġà naqas b’mod sinifikanti f’Marzu 2020, is-sitwazzjoni kompliet tiddeterjora f’April, li kien l- ewwel xahar sħiħ li matulu t-traffiku bl-ajru kważi waqaf kompletament.

“F’April li għadda, kellna biss 2,370 passiġġier, li bejn wieħed u ieħor hu ekwivalenti għan- numru ta’ passiġġieri li ġeneralment nipproċessaw f’siegħa f’jum tipiku fix-xhur tas-sajf. It-triq li ser twassalna għaċ-ċifri li kellna qabel ma faqqgħet il-COVID-19 ser tkun waħda twila u iebsa, iżda ninsab ottimist li jekk il-partijiet interessati kollha jkomplu jiġbdu ħabel wieħed u jkunu lesti li jieħdu l-miżuri neċessarji, għandna naraw id-domanda għall-ivvjaġġjar tirpilja bil-mod,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg.

It-tnaqqis fin-numru tal-passiġġieri li għaddew mill-ajruport tul ix-xahar ta’ April ġie osservat b’mod parallel ma’ tnaqqis ta’ 94.30% fil-movimenti tal-ajruplani u tnaqqis ta’ 98.35% fil- postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta. Barra minn hekk, is-seat load factor (SLF) għax-xahar ta’ April kien biss ta’ 18.8%.

Wara li twaqqfu t-titjiriet kummerċjali kollha lejn Malta għall-aħħar ta’ Marzu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqa’ jopera sabiex jiffaċilita titjiriet essenzjali. F’April ġew operati 73 titjira ta’ ripatrijazzjoni minn u lejn tmien pajjiżi, fosthom ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, u n-Netherlands. Barra minn hekk, ix-xahar li għadda, kien hemm żieda ta’ 39.8% fit-titjiriet ta’ ġarr tal-merkanzija fuq l-istess xahar fl-2019, sabiex dawn laħħqu l- 186 moviment tal-ajruplani.

Share With: