Marzu jara tnaqqis ta’ 56.5% fit-turisti

Il-Covid19 kompla jagħmel ħerba mit-turiżmu hekk kif l-aħħar statistika turi li wara li fi Frar li għadda naqas b’16.5% fuq dak tas-sena li għaddiet, f’Marzu t-tnaqqis fuq dak tas-sena preċedenti tela għal 56.5%.

Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li f’Marzu li għadda ġew 75,157 b’64,834 għal skop turistiku b’5,360 għal raġuni ta’ negozju.

Is-suq mir-Renju Unit baqa’ l-iktar b’saħħtu b’31.2% tat-turisti fl-imsemmi xahar ġejjin minn hemm.

In-numru ta’ ljieli li qattgħu f’Malta kien ta’ 442,018, tnaqqis ta’ 60.2% fuq Marzu 2019 b’59.2% qagħdu f’postijiet ta’ akkomodazzjoni kollettiva.

L-NSO sab ukoll li n-nefqa tagħhom kienet ta’ €43.6 miljun, tnaqqis ta’ 62.6% fuq Marzu tas-sena li għaddiet.

Sadanittant, fil-perjodu Jannar-Marzu 2020, it-turisti li żaru Malta ammontaw għal 370,216, tnaqqis ta’ 13.1% fuq l-istess perjodu tal-2019.

Waqt li qattgħu bejniethom 2.2 miljun lejl, tnaqqis ta’ 20%, in-nefqa kienet ta’ €224.6 miljun, tnaqqis ta’ 17.5%, li kien ifisser medja ta’ €607 kull turist, ukoll tnaqqis ta’ 5.2% fuq dak minfuq fl-istess tliet xhur tal-2019.

Share With: