“Matul il-pandemija l-infermiera tagħna f’Malta u Għawdex ibrillaw” – Chris Fearne

Miktub Minn Maria Azzopardi 

Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, fl-aħħar tmien snin Malta irreġistrat l-ikbar żieda fin-numru ta’ infermieri u qwiebel meta mqabbla mal-bqija tal-pajjiżi membri fl-UE. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li bejn l-2011 u l-2019 dawn żdiedu b’0.7% bil-pajjiżi ta’ warajna, il-Kroazja u l-Portugall, jaraw żieda ta’ 0.5%. Sal-lum il-ġurnata għandna 3,500 infermiera u ftit tal-ġimgħat oħra se jkun hemm madwar 200 infermiera ġodda li se jiżdiedu mal-workforce kollha. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Infermiera, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-poplu Malti dejjem għaraf ix-xogħol siewi li jagħmlu l-infermieri u sena wara l-oħra l-poplu jagħraf li l-infermiera jagħmlu x-xogħol mhux biss b’dedikazzjoni u professjonalità imma wkoll b’imħabba. Dan għaliex ix-xogħol tal-infermiera mhux biss huwa xogħol imma huwa wkoll vokazzjoni.

“Din is-sena, aktar minn snin oħra, il-professjonijiet mediċi qegħdin aktar fiċ-ċentru. Il-pandemija tal-Covid-19 poġġiet is-servizzi tas-saħħa taħt il-lenti mhux biss tal-midja imma tal-popli kollha mad-dinja kollha. Meta jiġri hekk tista’ tibrilla jew tista’ tiżgarra u l-infermiera tagħna f’Malta u Għawdex ibrillaw. Ta’ dan mhux biss grati llum imma għal ħafna snin oħrajn,” qal id-Deputat Prim Ministru.

S’issa b’kollox waslu mal-400 tunnellati ta’ ilbies protettiv

Huwa żied jgħid li lill-infermiera jridu jipproteġuhom u jagħtuhom is-sapport kollu meħtieġ anke b’mod morali u b’mod psikoloġiku. Huwa wkoll irrefera għall-ħidma li saret matul dawn iż-żminijiet fejn Malta kienet waħda mill-pajjiżi li rnexxielha jkollha l-ilbies protettiv għal kull min kellu bżonn u kien fil-frontline. Tant hu hekk li nhar it-Tnejn wasal ir-raba’ ajruplan u li għalhekk b’kollox waslu mal-400 tunnellati ta’ ilbies protettiv.

“Bħala tabib tat-tfal għal ħafna snin, dejjem ħadt pjaċir u għadni nieħu gost nitkellem mat-tfal. Waħda mill-mistoqsijiet li nħobb insaqsihom: x’tixtieq issir la tikber? Għal ħafna drabi kont nisma li t-tfal jixtiequ jkunu pilots, footballer, Pulizija, fost oħrajn. F’dawn il-ġimgħat qed nieħu pjaċir li l-maġġoranza tat-tfal qed jgħidu li jixtiequ jsiru nurse. Dan jimliena b’ħafna kuraġġ u bi gratitudni għall-fatt li mhux biss il-poplu qed jifhem ix-xogħol tal-infermiera imma qed jammira xogħolhom,” qal Fearne.

Huwa qal li jridu jibqgħu jagħmlu l-isforzi tagħhom anke permezz tal-kampanja mal-MUMN biex iħajjru aktar żgħażagħ biex isiru infermiera għax il-bżonn tagħhom għadu hemm. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ħarġet statistika li turi li madwar id-dinja hawn bżonn ta’ madwar 6 miljun infermiera oħra. 

Fearne: Malta għandha qasam tas-saħħa ppreparat, robus u li felaħ għad-daqqiet

B’referenza għall-pandemija preżenti, Fearne qal li Malta għandha qasam tas-saħħa ppreparat, robust u li felaħ għad-daqqiet ta’ din l-isfida li juri li dak l-investiment li sar matul is-snin issa ħareġ il-frott tiegħu. Huwa qal li Malta hija waħda mill-pajjiżi li marret tajjeb għax matul is-snin bħala Gvern investa fil-qasam tas-saħħa. “Dan irridu nibqgħu nagħmluh, nibqgħu viġilanti biex ladarba tgħaddi din il-pandemija, nibqgħu dejjem b’workforce mħarrġa sew. Ikollna mhux biss l-infrastruttura imma ħaddiema professjonisti li jagħtu servizz lill-poplu meta jkun hemm il-bżonn,” qal Fearne filwaqt li rringrazzja lill-infermiera u l-professjonisti tas-saħħa kollha. 

Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li l-Covid-19 sfortunatament ġab realtajiet u sagrifiċċji ġodda u peress li kull qasam tas-saħħa tiddependi fuq l-infermieri, huma ħarġu dak li huwa l-kuraġġ u sagrifiċċji kbar. Waħda mill-affarijiet li raw issir matul l-aħħar ġimgħat kien it-tibdil li kien hemm bżonn fl-isptar u f’postijiet oħra bħar-residenza ta’ San Vincenz fejn kien hemm bżonn li jittieħdu ċertu miżuri b’rabta mal-Covid-19. Apparti minn hekk, minħabba din il-pandemija, kien hemm każijiet fejn koppji infermieri ma setgħux imorru għax-xogħol minħabba li ma setgħux iħallu lit-tfal weħidhom filwaqt li kien hemm infermiera li kellhom imorru jgħixu għal rashom biex jipproteġu lill-familjari tagħhom.

Pace qal li wieħed mill-għanijiet tagħhom f’dawn l-aħħar ġimgħat kien li jipproteġu lill-infermiera billi jkollhom l-aħjar ilbies protettiv. Huwa nnota li kienu importanti li jsiru l-preparamenti li saru iżda li kieku nfetħu s-sodod kollha, bħal ma ġara f’pajjiżi barra minn Malta, il-pressjoni kienet se tkun fuq l-infermier.

Huwa temm jgħid li l-poplu obda l-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa u sostna li ngħaddu minn din il-pandemija ladarba tiġi t-tilqima. B’hekk huwa enfasizza li d-distanza bejn persuna u oħra u l-ħasil tal-idejn għandhom jibqgħu.

Share With: