Mil-lum nintroduċu t-Tai Chi għall-adulti

Ikompli t-taħriġ online tas-Self Defense u tal-Kickboxing bla ħlas għat-tfal u tiżdied sessjoni għall-kbar

Miktub Minn Carmen Cachia          

Kancho Adrian Axisa, b’kollaborazzjoni ma’ Union Print, mil-lum se jestendi s-servizz tiegħu bla ħlas lill-qarrejja ta’ dan is-sit f’dak li jidħol taħriġ fiżiku għal żmien il-Coronavirus. It-taħriġ ta’ siegħa għat-tfal, li jibda fil-5.00 ta’ filgħaxija se jkompli jiffoka fuq saħħet uliedna mentri bejn is-6.00 u s-6.30 ta’ filgħaxija se tittella’ sezzjoni tat-Tai Chi għal dawk l-adulti li wkoll jixtiequ jagħmlu eżerċizzju fiżiku f’dan il-perjodu b’mod virtwali fid-djar tagħhom.

It-taħriġ fl-arti marzjali għat-tfal jgħinhom jikkonċentraw iżjed u għandu benefiċċji fiżiċi ħolistiċi fosthom ukoll li tissaħħaħ l-immunità tal-ġisem li hija tant importanti f’dawn iż-żminijiet biex jiġġieldu l-Covid-19. Il-moviment fiżiku jgħin biex ikollhom burdata tajba u jkunu aktar kuntenti minħabba li jonqos l-istress. Huwa għalhekk li l-ġenituri għandhom iħeġġu lil uliedhom biex jagħmlu xi tip ta’ sports online u dan b’mod partikolari l-arti marzjali.

It-Tai Chi min-naħa l-oħra hija forma ta’ arti marzjali deskritta bħala “meditazzjoni b’movimenti” li ħafna drabi ssarraf bħala trattament “mediku” għal dawk li jipprattikawha. Dan minħabba li studji juru li din il-prattika tal-ġisem u l-moħħ, li oriġinat miċ-Ċina, għandha l-potenzjal li tgħin f’għadd ta’ problemi fiżiċi. Dan it-tip ta’ eżerċizzju jista’ jsir anke minn persuni li ma jkunux f’qagħda fiżika tajba ħafna u/jew avvanzati sew fl-età. 

Din l-arti tikkonsisti f’movimenti ċirkulari, konċentrazzjoni, kif ukoll enfasi fuq in-nifs u tista’ tkun adattata għal kulħadd. Axisa huwa Tai Chi Master li għal dawn l-aħħar snin tella’ dawn it-tip ta’ lezzjonijiet fil-programm governattiv tal-‘Active Ageing’ li kienu jsiru f’diversi lokalitajiet madwar Malta. 

Għal dawk kollha li għandhom ħajja pjuttost stressanti, it-Tai Chi huwa l-forma ta’ eżerċiżżju ideali li jgħinhom jirrilassaw u fl-istess ħin iżommu ruħhom fiżikament attivi u b’saħħithom. Il-lezzjoni online tal-lum se sservi bħala introduzzjoni u nħeġġukom tippruvaw din il-forma ta’ arti marzjali ferm popolari madwar id-dinja kollha.

Is-sessjoni tal-arti marzjali għat-tfal hija fuq il-link: https://us02web.zoom.us/j/5824947385?pwd=zeFNF4LHwV9iBytbLT36mjmELeukyGcH jew permezz tal-App “Zoom” bid-dettalji – Meeting ID: 582 494 7385 u Password: training

Mentri s-sessjoni tat-Tai Chi għall-adulti hija fuq il-link: https://us02web.zoom.us/j/5824947385?pwd=zfJFHYTHxrTAyVH_iu2urGW4yH3FSQ jew permezz tal-App “Zoom” bid-dettalji – Meeting ID: 582 494 7385 u Password: taichi

Huwa importanti li l-parteċipanti jkollhom spazju biżżejjed biex jiċċaqilqu u li kull tant ħin jixorbu ftit ilma.

Kull min ikollu xi diffikultà biex jidħol għal dan it-taħriġ, jista’ jċempel fuq: 99 46 47 49.

Share With: