Miley Cyrus temmen li ċ-ċelebritajiet m’għandhomx idea ta’ x’inhi l-pandemija

Minn MELVIN FARRUGIA

F’intervista riċenti ma’ The Wall Street Journal, l-artista kontroversjali Miley Cyrus tkellmet dwar dak li wassalha biex tibda talk show live fuq Instagram bl-isem ta’ Bright Minded, filwaqt li qiegħda f’iżolament minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. 

Hekk kif il-ħajja u l-karriera tal-artista ta’ 27 sena jinsabu weqfin minħabba dak li għaddejjin minnu, il-kantanta ddeċidiet li tagħmel dan ix-show li fih titkellem ma’ ċelebritajiet oħra dwar l-esperjenzi tagħhom waqt   il-lockdown. 

Madankollu, Cyrus irrimarkat li hi konxja ħafna li minħabba l-flus, il-fama u l-privileġġi li għandha, il-lockdown tagħha ma kienx l-istess bħal ta’ ħafna Amerikani oħra. 

Il-kantanta spjegat fl-intervista li meta tipprova tagħmel kuntatt ma’ ċelebritajiet oħra biex jieħdu s-sehem fix-show tagħha, xi kultant ma jaċċettawx jew inkella jagħmlu ta’ bir-ruħhom li ma rċevew ebda talba mingħandha, peress li aktarx iħossuhom imbarazzati li jitkellmu dwar is-sitwazzjoni tagħhom meta ħaddieħor qed isofru wkoll. Fil-fatt, Cyrus qalet li tinsab ċerta li xi ċelebritajiet oħra ħassewhom l-istess bħalha u għalhekk qisu mhux sew li jitkellmu dwarha. Tistqarr li dak li qiegħda tesperjenza hi mhuwiex il-COVID-19 li qiegħda tħoss il-kumplament tad-dinja. 

Tkompli tinsisti li minkejja li ħajjitha tpoġġiet fuq waqfien, fil-verità hi xorta m’għandhiex idea ta’ x’inhi l-pandemija. Tgħid li hi qiegħda komda fl-ispazju tagħha, tista’ tiekol l-ikel minn fuq il-mejda u tinsab f’qagħda finanzjarja stabbli. Tistqarr li din mhix is-sitwazzjoni ta’ ħafna min-nies, u għalhekk tħoss li għalhekk ħafna ċelebritajiet mhux jaċċettaw mill-ewwel biex jieħdu sehem fix-show. 

Rigward ix-show, Miley Cyrus qalet li mhix l-intenzjoni tagħha li tgħallem jew li tippriedka, iżda li tisma’ u titgħallem. Tgħid li hi trid tagħti vuċi lil min issoltu ma jkollux, bħal attivisti lokali li qed jiġġieldu għall-komunitajiet tagħhom u li ma kellhomx vuċi biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. 

Share With: