Mill-inqas persuna tmut u diversi oħrajn jindarbu f’terremot fl-Iran

Mill-inqas persuna waħda mietet u seba’ oħrajn indarbu kaġun ta’ terremot ta’ qawwa 5.1 fuq l-Iskala Richter li laqat lit-Tramuntana tal-Iran kmieni dalgħodu.

Kianush Jahanpur, kelliemi għall-Ministeru għas-Saħħa, f’kummenti fuq il-midja soċjali kkonferma li persuna kienet tilfet ħajjitha wara li ntlaqtet minn tiġrif waqt li kienet qed tipprova taħrab mit-theżżiżiet.

Resident f’Tehran f’kummenti li taw lil Al Jazeera qalu li t-terremot inħass partikolarment b’saħħtu.

Intant ritratti li kienu ppubblikati fuq il-midja soċjali kienu juru lil gruppi ta’ persuni li ħarġu fit-toroq hekk kif beżgħu li t-terremot jista’ jwassal biex jiġġarrfu l-binjiet li kienu fihom.

Diversi theżżiżiet oħrajn inħassu wara l-ewwel theżżiża vjolenti.

Skont il-Geological Survey tal-Istati Uniti, l-epiċentru tat-terremot kien lokalizzat f’Damavand, fil-Grigal tal-kapitali Tehran, f’fond ta’ madwar 10 kilometri.

Share With: