Mill-Parlament Ewropew

Mill-Membru Parlamentari Ewropew MIRIAM DALLI

Għaddiet ġimgħa oħra ta’ ħidma minn Malta, li għal darb’oħra kienet ddominata minn ħafna xogħol relatat mal-Parlament Ewropew. Ikolli nammetti li x-xogħol mid-dar żdied, żdiedu l-laqgħat u l-ħidma tagħna b’mod partikolari biex noħorgu bi proposti li jistgħu jgħinu lill-pajjiżi u lill-ħaddiema f’dan iż-żmien ta’ pandemija.  

Nammetti wkoll li dan il-ħafna xogħol mhux idejjaqni għax qed ngħaddi ħafna aktar ħin mal-familja u t-tfal peress li mhux qed insiefer għal erbat’ijiem kull ġimgħa. 

Kienet ġimgħa oħra impenjattiva għax kellna sessjoni tal-Plenarja, b’siegħat twal ta’ voti fuq il-budget tal-Parlament Ewropew u l-approvazzjoni tan-nefqa tal-Istituzzjonijiet u aġenziji Ewropj. Huwa proċess neċessarju biex il-Parlament Ewropew jara li n-nefqa hija l-istess ma dak li ġie maqbul bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u li fuq kollox il-benefiċċju ta’ dan kollu jitgawda miċ-ċittadini.

Il-pandemija tal-COVID19 tibqa’ fiċ-ċentru ta’ dak li nagħmlu u għalhekk din il-ġimgħa approvajna riżoluzzjoni bi proposti dwar l-irkupru ekonomiku minħabba d-daqqa ekonomika li kull pajjiż ħa konsegwenza tal-pandemija. Għalija hu essenzjali li nassiguraw is-saħħa taċ-ċittadini u nkunu fuq in-naħa tal-ħaddiem u n-negozji. Biex familja tkun b’saħħitha, irid ikollha dħul li tista’ tgħix bih b’mod komdu, li jkollha aċċess għal servizzi ta’ kwalità u li l-ambjent ta’ madwarha jkun wieħed b’saħħtu. 

Għalija hu essenzjali li nassiguraw is-saħħa taċ-ċittadini u nkunu fuq in-naħa tal-ħaddiem u n-negozji.

Iċ-ċittadini jridu jkunu fil-qalba ta’ kull strateġija. Irid ikollna proġetti aktar b’saħħithom fil-qasam tas-saħħa pubblika. Irridu naraw kordinament akbar bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa ż-żmien ta’ solidarjetà. Matul din il-ġimgħa, il-grupp Soċjal Demokratiku fil-Parlament Ewropew approva proposti li jistgħu jgħinu lill-Unjoni Ewropea tkun ippreparata ferm aktar fejn tidħol is-saħħa. Dan il-pjan t’azzjoni li ħdimt fuqu bħala parti mill-Presidenza tal-S&D jressaq proposti importanti dwar kif jista’ jkun hemm mekkaniżmu Ewropew li jirrispondi b’mod immedjat meta jinqalgħu kriżijiet bħal din u anke ta’ kif għandu jkun hemm xiri komuni ta’ mediċini li għandhom prezz għoli ħafna jew jintużaw minn ftit nies biss. 

F’konferenza tal-aħbarijiet li kelli mal-ġurnalisti Maltin proprju dwar din il-plenarja, kien hemm interess qawwi f’dak li qed isir għall-qasam tat-turiżmu. Id-delegazzjoni tal-Partit Laburista ħadmet fuq pjan tas-Soċjal Demokratiċi għal qasam turistiku biex naċċertaw ruħna li jkun hemm bilanċ bejn il-ħtiġijiet tas-settur turistiku u s-sigurtà taċ-ċittadini. Finalment nemmen li deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ta’ l-ajruport tagħna għandhom jitħallew f’idejn il-gvern nazzjonali, fil-każ tagħna l-gvern Malti li konvinta li kapaċi jieħu l-aħjar deciżjonijiet fiċ-ċirkostanzi. 

Share With: