Mill-Parlament Ewropew: Inkomplu naħdmu fuq pjan ta’ rkupru ekonomiku għall-Unjoni Ewropea

Min MIRIAM DALLI, Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew

Din il-ġimgħa kienet iqsar minħabba l-festa pubblika tal-1 ta’ Mejju li matula fakkarna u sellimna lill-ħaddiema kollha. Minkejja li ma kellniex avvenimenti biex niċċelebraw dan il-jum, xorta waħda serviet biex tinfluwenza ħidmietna.

Infatti din il-ġimgħa, flimkien mal-kollegi fil-Parlament Ewropew, komplejna naħdmu fuq pjan ta’ rkupru ekonomiku għall-Unjoni Ewropea. Meta ngħid irkupru ekonomiku jfisser ukoll kif dan il-pjan jaffettwa pajjiżna. Bħala rappreżentanti ta’ Malta u Għawdex, l-interess tagħna jibqa’ l-interess nazzjonali.

Huwa r-rwol tagħna wkoll li ninbuttaw għal dawk il-miżuri li jgħinu l-ekonomija tqum fuq saqajha. Il-Gvern Malti qiegħed jagħmel u se jkompli jagħmel il-parti tiegħu – iżda ċertament li trid tiġi wkoll inbutattura u għajnuna mil-livell Ewropew, speċjalment jekk l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ is-Suq Intern.

L-akbar prijorità tiegħi huma l-impjiegi tal-Maltin u Għawdxin u għalhekk ma rridux ntellfux lil dawk in-negozji li joħolqu x-xogħol f’pajjiżna. Fi pjan Ewropew, irid ikun hemm il-flessibilità u dwar dan reġa’ kelli l-opportunita din il-ġimgħa li naqsam ħsibijieti mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans.

Il-flessibilità tfisser li tgħin lill-pajjiżi jqumu lura fuq saqajhom iżda ma jfissirx li jkollok kumpaniji barra minn xtutna li jieħdu taħt idejhom b’mod ostili kumpaniji iżgħar bħalma ma huma SMEs meta nafu kemm l-SMEs huma importanti għal pajjiżna.

Kwistjoni oħra li bħalissa qiegħda naħdem fuqha għax qed nara l-esperjenza tagħna l-Maltin, hija dik tas-settur agrikolu u l-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna, mhux biss is-settur tal-biedja imma anke r-raħħala, is-sajjieda u dawk li jipproduċu l-ikel. Għandna bżonn li nagħtu ħafna importanza lil dan is-settur. F’sitwazzjoni bħal dik li għaddejjin minnha tinduna li jekk tkun wisq dipendenti fuq l-importazzjoni tinħoloq problema iebsa. Għalhekk li hemm bżonn li settur bħal dan jingħatalu saħħa u appoġġ ferm ikbar. Flimkien ma’ sħabi fil-Parlament Ewropew se nkun qed naħdem f’dawn l-oqsma. Mhux l-ekonomiji kollha huma l-istess; f’Malta diġa għandna ekonomija b’saħħitha – kieku mhux hekk ma konniex se naraw il-miżuri implimentati mill-Gvern. Iżda dak li għandna jrid jingħata mbuttatura ‘l quddiem.

Din il-ġimgħa komplejt ukoll b’ħidmieti f’appoġġ lill-Gvern kontra l-immigrazzjoni irregolari. Mat-tmexxija tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi insistejt li biex pajjiż bħal Malta jibqax iġorr il-piż hu, il-pożizzoni tal-Grupp trid tkun favur rilokazzjoni mandatorja. Ma jistax ikun li f’20 sena, il-medja ta’ dawk li ġew rilokati hija ta’ biss 8 minn kull 100 li daħlu. Il-ħidma tiegħi u tal-kollegi fid-delegazzjoni tal-Partit Laburista tkompli.

Share With: