Minn għada jinfetħu r-Reġistri tal-Qrati

Waħda mill-miżuri li ttieħdu, wara li ġiet dikjarata emerġenza ta’ saħħa pubblika mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika skont l-Att dwar is-Saħħa Pubblika, kienet li jingħalqu l-qrati u r-reġistri tal-qrati b’effett mis-16 ta’ Marzu 2020. Din kienet miżura li ttieħdet sabiex jiġu protetti mill-imxija tal-pandemija Covid-19 kemm il-membri tal-ġudikatura, avukati, prokuraturi legali u ħaddiema tal-qorti, kif ukoll il-pubbliku inġenerali li juża’ s-servizzi tal-qrati.

Kif tħabbar mill-gvern, uħud mill-miżuri li ttieħdu sabiex titwaqqaf l-imxija tal-Covid-19 ser jibdew jitneħħew b’mod gradwali. Waħda mill-miżuri li ser titneħħa hija l-ordni li permezz tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għalqet ir-reġistri tal-qrati li joperaw mill-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja. Din il-miżura ser titneħħa b’effett mill-4 ta’ Mejju 2020.

Ir-revoka tal-ordni tal-għeluq tar-reġistru tfisser li persuna tkun tista’ tippreżenta atti ġudizzjarji fir-reġistru tal-qorti mingħajr ma jkollha l-ħtiega li tippreżenta rikors għall-ftuħ tar-reġistru tal-qorti.  

Sabiex il-ftuħ tar-reġistru ma jkollu l-ebda impatt fuq is-saħħa tal-avukati, prokuraturi legali, ħaddiema tal-qorti u l-pubbliku li ser juża’ s-servizz, saru konsultazzjonijiet bejn l-amministrazzjoni tal-qorti u l-awtoritajiet tas-saħħa, u tfassal pjan mil-lat ta’ loġistika sabiex jaħseb għall-mod kif ser jiffunzjona r-reġistru f’dawn iż-żminijiet.

L-amministrazzjoni diġà ħadet ħsieb li jitwaħħlu sanitizers fl-aktar postijiet strateġiċi fil-bini tal-Qrati. Ġew imwaħħla wkoll ħġieġ fuq l-imwejjed kollha f’kull reġistru sabiex jipproteġu l-ħaddiema. L-amministrazzjoni ħadet ħsieb ukoll li tara li jkollha ammont ta’ maskri, kemm għal ġudikanti, kif ukoll għall-ħaddiema. 

Il-professjoni legali qed tkun imħeġġa biex tagħmel użu mis-servizzi online, inkluż il-preżentata ta’ ċertu atti li jinsabu fl-eCourts. 

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza ser ikun qed isegwi mill-qrib l-andament fir-reġistri tal-Qrati tal-Ġustizzja, sabiex jara li minn għada, 4 ta’ Mejju 2020, kollox jimxi sew, kemm mil-lat loġistiku u legali, u l-aktar nett mil-lat ta’ ħarsien ta’ saħħa għal kulħadd.

Share With: