“Nibqgħu rilevanti biss jekk inħallu lill-Partit jibqa’ jiġġedded” – Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, George Azzopardi

Miktub minn MELVIN FARRUGIA

Ftit tal-ġimgħat ilu, George Azzopardi ngħata l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv fi ħdan il-Partit Laburista. Għalhekk ħassejna li kienet okkażjoni tajba biex insiru nafu aktar dwaru u anke naraw x’inhuma l-pjani li għandu, biex flimkien mal-kumplament tal-amministrazzjoni Laburista, jkomplu jmexxu lil dan il-partit ‘il quddiem. 

Nixtieq nibda billi nistaqsik ftit dwarek… tgħidilna ftit x’inhu l-isfond tiegħek, li wasslek proprju biex tingħata din il-kariga?

Jiena attivist minn ċkuniti. Minn tfuliti kbirt nagħti sehmi fil-Partit Laburista f’Ħal Qormi. Aktar ma kbirt, dejjem kont viċin ta’ nies li taw ħajja lill-valuri tajbin li fuqhom mibni dan il-partit. Tajt sehmi fis-settur pubbliku u issa wasal il-mument li nagħti saħħti u dak li naf biex inkomplu nsaħħu lill-Partit Laburista  u nżommuh d-dar naturali tal-Maltin u l-Għawdxin. 

Kif tħossok, issa li ngħatajt din il-kariga hekk importanti u li toffri sfida tant kbira?

Inħossni motivat. Jekk ngħid li l-kariga ma tippreżentax sfidi, inkun qed nigdeb. Imma f’dan il-partit hawn l-entużjażmu u r-rieda li nkomplu mexjin ‘il quddiem. Meta nara dawk il-kwalitajiet fil-membri, jiena nimtela b’aktar enerġija u motivazzjoni u l-ebda sfida ma tbeżżagħni. 

X’inhi l-viżjoni tiegħek għall-Partit Laburista? Lejn fejn irid imur bħala partit? 

Jiena għext ħajti bħala attivist, u ġej mill-għeruq tal-Partit Laburista. Nemmen li l-politika tinbena fuq l-għeruq tal-partit. Nemmen li huma n-nies li jagħmlu l-partit. Irrid li l-Partit Laburista jibqa’ jkun forza ta’ bidla progressiva, ikun jirrappreżenta s-sewwa u jibqa’ jiġbed lejh aktar nies u ideat friski. Irrid ukoll li jibqa’ partit rebbieħ, u għalhekk fil-qofol tal-ħidma tagħna se jibqgħu n-nies u l-attivisti.

Xi tħoss li għandu jtejjeb il-Partit Laburista u fuq xiex għandu jkompli jinsisti?

Fis-snin li għaddew il-partit għadda minn evoluzzjoni sħiħa biex sar l-akbar forza politika f’pajjiżna. Issa rridu nsaħħu l-immaġni u r-reputazzjoni tagħna fuq livell internazzjonali. Barra minn hekk, se nkomplu ninsistu li jibqa’ partit miftuħ u li jisma’ lin-nies. 

Bħala strutturi tal-partit, tħoss li għandek issaħħaħ xi oqsma partikolari?

Kull fergħa għandha l-importanza tagħha. Il-Partit hu riżultat tal-istrutturi tiegħu u m’hemm ebda fergħa li hi inferjuri jew aktar importanti mill-oħra. Il-kumitati lokali għandhom irwol li jwasslu l-messaġġ tal-partit fid-djar tan-nies u anke jwasslu l-polz tan-nies għand il-partit. 

Hawn nixtieq nagħmel referenza diretta u ngħid grazzi lill-voluntiera tal-partit għax-xogħol u l-kontribut li jagħtu. 

Fejn għandhom x’jaqsmu ż-żgħażagħ, x’importanza u rwol għandha tingħata lil organi bħall-FŻL u l-Fondazzjoni Ideat?

Iż-żgħażagħ mhux minn dejjem kienu mal-Partit Laburista. Li dan il-partit ġibed lejh u rebaħ l-ammirazzjoni ta’ daqstant żgħazagħ kienet kisba importanti tal-aħħar snin. Dawn huma l-organi li jġibu demm ġdid u jisfidaw ideat qodma. Nibqgħu rilevanti biss jekk nagħtuhom l-opportunità li jġeddu l-partit u jġeddu l-mezzi ta’ kif nagħmlu l-affarijiet u naslu għand in-nies.  

Il-Fondazzjoni IDEAT mhix organizzazzjoni li tilqa’ biss żgħażagħ, iżda t-Think Tank tal-Partit. Il-Fondazzjoni hi fformata minn individwi li ġejjin minn oqsma differenti u li jħabbtu ħsibijiet u ideat. Jiżviluppaw l-idea mal-esperti fil-qasam, kif ukoll man-nies u eventwalment jiżviluppaw il-politika tagħha.  

Kif tħares lejn il-fatt li bħala pajjiż spiċċajna b’partit daqshekk b’saħħtu, minkejja dak kollu li għadda minnu, u partit ieħor li bl-ebda mod ma jista’ jerġa’ jingrana? Jinkwetak il-fatt li f’pajjiżna qisu għad fadal partit politiku wieħed biss?

Meta partit jitlaq lin-nies, in-nies jitilquh. Dak kien li ġara fil-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista mhux qed jiggverna għax m’hawnx għażla oħra imma għax dik il-kelma li ta lill-elettorat, li se jtejjeb il-livell tal-ħajja, żammha u kuljum naħdmu biex tibqa’ tinżamm. 

Min-naħa l-oħra, kemm tħoss li jrid joqgħod attent il-Partit Laburista biex jibqa’ jgawdi mill-fiduċja tan-nies?

Ħafna. Għandna eżempju ċar ħafna quddiemna ta’ kemm l-arroganza tbiegħed lin-nies, l-aktar lin-nies ġenwini, u ttellef il-fiduċja. Il-Partit Laburista se jibqa’ impenjat li jżomm il-fiduċja tan-nies, il-bżulija u l-għaqal. Il-motivazzjoni ta’ dan il-Gvern hi xhieda ta’ dan kollu. 

X’qed isir min-naħa tal-Partit Laburista fuq livell lokali permezz tal-Kunsilli biex ikompli jkabbar il-fiduċja tan-nies?

Fl-aħħar snin, il-Partit Laburista ħadem biex ikollu kunsilliera ppreparati tajjeb. Is-Sezzjoni Kunsilliera fi ħdan il-Partit organizzat taħriġ obbligatorju għal kull kandidat u ħejjiet programm elettorali għal kull lokalità speċifika. Il-Partit żamm kuntatt kontinwu mal-kunsilliera tiegħu biex naraw li dak li wegħedna jiġi implimentat. 

Fuq bażi nazzjonali, irridu naraw aktar għarfien tal-Kunsilli Lokali għax nemmnu li minkejja li sar progress fl-aħħar snin, dejjem hemm lok għal iktar titjib biex nibqgħu niġġeddu. Nemmnu li dan jagħti governanza tajba u aktar trasparenza, li jwasslu għal bidla fil-perċezzjoni negattiva li seta’ kellu l-pubbliku dwar il-Kunsilli Lokali. Jidher biċ-ċar li dan qed jirnexxielna nagħmluh għax il-fiduċja fil-Kunsilli kibret, anke minħabba l-fatt li matul dan il-perjodu diffiċli, il-Kunsilli baqgħu viċin tan-nies aktar minn qatt qabel.

It-tendenza hi li meta partit ikun fil-Gvern, xi ftit jew wisq ipoġġi fil-ġenb lill-partit, biex ovvjament jieħu ħsieb it-tmexxija tal-pajjiż. Kif qegħdin tilħqu l-bilanċ biex apparti milli tieħdu ħsieb it-tmexxija tal-pajjiż, taraw ukoll li l-partit jibqa’ f’saħħtu?

Aktar milli tendenza, l-impenn li tidħol fih meta tkun qed tiggverna jieħu ħinijet twal ħafna. Madankollu, dan ma jwaqqafx il-ħidma u t-tiġdid tal-Partit. Għandna diversi inizjattivi ppreparati biex kif il-ħajja tiġi lura għan-normal nibdew nattwawhom.  

Kienu mitt jum li matulhom il-Prim Ministru Robert Abela ma waqaf xejn mill-ħidma u mill-isfidi waħda wara l-oħra. Kif għextuhom intom miegħu dawn l-isfidi?

Il-Prim Ministru kellu magħmudija tan-nar li daħlilha, kif stennejt, b’konvinzjoni u onestà. It-toqol tas-sitwazzjoni tat ċans lil aktar nies jaraw l-umanità tiegħu. Ninsabu viċin ħafna, f’kuntatt kontinwu, biex id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu jittieħdu u biex naraw li l-Partit jgħin kemm jista’ jkun, kif u fejn hu possibbli fil-ġlieda kontra l-pandemija. 

X’inhu l-futur li tara għall-Partit Laburista u għall-pajjiż?

Dan hu partit li qed jiċċelebra l-mitt sena tiegħu, mitt sena li jagħmluna kburin ħafna grazzi għall-veterani u l-anzjani li taw sehemhom u għad għandhom ħafna x’jagħtu lill-Partit. Partit li ġġedded u qed jibqa’ jiġġedded għax qed jiġbed lejh iż-żgħażagħ u jafda fihom. Partit li minn dejjem ħaseb fil-minoranzi. Il-Partit Laburista jibqa’ l-partit tal-ħaddiema li li bil-politika tiegħu jġib ix-xogħol, jeqred il-faqar u jgħolli l-livell tal-għajxien ta’ kulħadd.

Sar ħafna u għandna ħafna x’jimlielna qalbna għal futur sabiħ u rebbieħ. Għalhekk jien se naħdem biex nilħqu dan. 

Share With: