“Ninkoraġġixxu lill-istati membri tal-UE biex jaħdmu flimkien u juru solidarjetà” – il-Kummissarju Ewropew għall-Intern

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Kummissarju Ewropew għall-Intern, Ylva Johansson tinkoraġġixxi lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jaħdmu flimkien u juru solidarjetà ma’ xulxin biex tinstab soluzzjoni għall-immigrazzjoni u biex jiġu evitati inċidenti traġiċi. 

Johansson stqarret dan fit-tweġibiet tagħha għal mistoqsijiet li sarulha minn inewsmalta, wara li fil-ġimgħat li għaddew hi kienet uriet tħassib dwar is-sigurtà tal-immigranti li jaqsmu l-Mediterran fuq bċejjeċ żgħar tal-baħar, filwaqt li jpoġġu pressjoni dejjem akbar fuq pajjiżi bħal Malta u l-Italja. 

Hi qalet li bħala parti mill-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħmel dak kollu possibbli biex ittaffi s-sitwazzjoni fiċ-ċentru tal-Mediterran. Saħqet li fl-istess waqt li tifhem id-diffikultajiet maħluqa mill-Coronavirus, min-naħa l-oħra tistenna li l-istati membri jimxu mal-oblbigi tagħhom taħt il-liġijiet Ewropej u internazzjonali. Barra minn hekk, inkoraġġiet lill-istati membri biex jaħdmu flimkien u flimkien mal-Frontex bi spirtu ta’ solidarjetà biex jiżguraw li jkomplu jsiru l-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, filwaqt li jinstabu soluzzjonijiet dwar fejn għandhom jitniżżlu l-immigranti fil-kuntest li għaddejjin minnu bħalissa. 

Johannson qalet li hemm diversi mekkaniżmi Ewropej ta’ appoġġ, li l-istati membri jistgħu jitolbu għall-immaniġġjar tal-immigrazzjoni. Semmiet fost l-oħrajn appoġġ finanzjarju u anke operattiv minn aġenziji tal-Unjoni Ewropea li jkopru diversi bżonnijiet. Qalet li l-Kummissjoni Ewropea tinsab lesta biex tirrispondi minnufih għal dawn it-talbiet u tinsab ukoll lesta biex tagħmel l-isforzi għal rilokazzjoni tal-immigranti la darba dawn jitniżżlu fuq l-art. 

Dwar l-immigrazzjoni, Johannson qalet li din iġġib kemm sfidi, kif ukoll opportunitajiet. Qalet li hemm bżonn li nimmaniġġjawha sew u dan qalet li jfisser li naħdmu mal-pajjiżi ħbieb tagħna biex nindirizzaw u nnaqqsu l-immigrazzjoni irregolari, filwaqt li nibnu sistema flessibbli u robusta għall-immaniġġjar tal-immigranti fuq livell lokali. Barra hekk, qalet li jrid ikollha sistemi legali tajba għall-immigrazzjoni. Il-Kummissarju qalet li fl-aħħar ħames snin l-Unjoni Ewropea għamlet passi kbar fl-immaniġġjar tal-immigranti u fil-protezzjoni tal-fruntieri. Spjegat li sar xogħol biex ikun hemm il-blokki fuq xiex għandha tinbena sistema sostenibbli ta’ immaniġġjar tal-immigrazzjoni fl-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, hi qalet li l-Unjoni Ewropea tinsab mgħammra aħjar minn qatt qabel biex tiffaċċja kwalunkwe kriżi fil-futur jekk jinqalgħu. 

Min-naħa l-oħra, Johannson qalet li għadhom għaddejjin il-preparamenti għall-Patt il-ġdid dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Saħqet li għan hu li tinħoloq sistema reżiljenti u sostenibbli li tindirizza l-immigrazzjoni f’kull dimensjoni u tkabbar l-għaqda fl-Unjoni Ewropea. Barra hekk, qalet li għandu jindirizza l-immigrazzjoni irregolari, l-ażil, il-migrazzjoni legali, il-kontroll tal-fruntieri u anke l-aspetti esterni tal-immigrazzjoni.

Share With: