“Nixtiequ li tgħaddi din is-sħaba sewda u b’hekk inkunu nistgħu mmorru d-dar”

Tgħid dan omm li tinsab ġewwa Rainbow Ward minħabba li t-tifla tagħha għandha tumur f’moħħha

Miktub Minn Maria Azzopardi

Nhar il-Ħadd li għadda l-koppja Marilyn u Charles Azzopardi kellhom l-anniversarju iżda ma kienx possibbli li jiċċelebraw dan il-jum flimkien minħabba l-fatt li Marilyn bħalissa tinsab ġewwa Rainbow Ward fl-Isptar Mater Dei biex tieħu ħsieb it-tifla tagħhom Mireille.

Iċ-ċkejkna Mireille ngħatat l-aħbar li għandha tumur f’moħħha f’Diċembru. Minn hemmhekk hija marret l-Ingilterra biex issir operazzjoni biex dan jitneħħa. Wara, iċ-ċkejkna kellha tagħmel sitt ġimgħat raġġi ġewwa sptar ieħor fiċ-ċentru ta’ Londra u bħalissa tinsab f’Malta fejn qed tiċeivi l-kimoterapija għal mill-inqas disa’ xhur.

Bosta ġenituri bħalissa jinsabu mifruda mill-familja u t-tfal l-oħrajn u jinsabu ġewwa l-isptar minħabba uliedhom bil-kanċer biex jipproteġuhom mill-virus. Dan għaliex il-pazjenti li għaddejjin mill-marda tal-kanċer huma iżjed vulnerabbli pero proprju f’dawn il-mumenti tispikka l-imħabba dejjiema tal-ġenituri li lesti jagħmlu dan is-sagrifiċċju u ma joħorġux mill-Isptar biex jagħtu kollox għal uliedhom.

L-ORIZZONT tkellem ma’ omm iċ-ċkejkna Mireille, Marilyn Azzopardi, hekk kif bħalissa tinsab flimkien mat-tifla biex tkun ta’ protezzjoni minħabba l-Covid-19. Permezz ta’ din l-esperjenza nitgħallmu dwar is-sagrifiċċju tal-omm u li għandna napprezzaw kull sekonda tal-ħajja għax mhux kulħadd għandu din l-opportunità.

“Il-firda hija iebsa minn ma’ tal-familja. Biżżejjed li jkollok toqgħod l-Isptar u ma tmurx lura fid-dar tiegħek. Lura f’Diċembru jien u t-tifla kelna nitilqu kollox; il-familja, ix-xogħol u mmorru malajr ġewwa sptar f’Londra. Kollox ġara mil-lum għal għada. Diġà t-tifla u jien kelna ninfirdu minn ma’ ħutha u ‘l bogħod minn pajjiżna. F’Marzu wasalna lura Malta u bdew il-każijiet ta’ Covid-19 hawnhekk.. u għalhekk kelna nerġgħu ninfirdu mod ieħor,” qalet Marilyn.

Hija qalet li minkejja li jinsabu f’Malta, xorta ma jistgħux jarawha tal-familja, ħutha, missierha u l-ħbieb għax huwa ta’ riskju kbir li tfal u nies vulnerabbli joħorġu fil-komunità f’dan il-mument. “L-emozzjonijiet huma kbar. Li ma tistax nara lit-tfal l-oħra u lir-raġel hija xi ħaġa ta’ dieqa kbira. It-tifla wkoll timmissja l-ħin li kienet tilgħab magħhom. L-għażla li għandna quddiemna bħalissa hija waħda. Jew toħroġ, imma dan huwa ta’ riskju kbir, jew tiċċaħħad mill-kumplament tal-familja u tkun ta’ sapport għat-tifla f’ġurnata wara l-oħra ġewwa Rainbow Ward,” qalet l-omm.

Ix-xewqa tagħhom bħalissa hija li tgħaddi din is-sħaba sewda u b’hekk ikunu jistgħu jirritornaw mill-ġdid mal-familja ġewwa d-dar tagħhom. “Il-ġurnata tagħna l-isptar tipprova timliha kif tista’. Minn din is-sitwazzjoni tal-Covid-19 ħarġet xi ħaġa sabiħa, dik tat-tagħlim online. B’hekk it-tifla setgħet tkompli l-lezzjonijiet ma’ sħabha u l-għalliema tagħha. Din timliha bil-kuraġġ biex tqum filgħodu. Il-kumplament tal-ġurnata nipprovaw nimlew il-ħin bil-krafts u logħob fil-kamra tal-ward,” spjegat Marilyn. Minn hawnhekk hija rringrazzjat lil kull min kien ta’ sapport għaliha, b’mod speċjali lil Puttinu Cares li pprovdulhom l-appartament fejn joqgħodu.

Share With: