Opportunitajiet li ġab il-COVID-19

Minħabba l-pandemija, il-maġġoranza tan-nies kellhom jibdlu l-istil ta’ ħajithom.  Kien hemm min baqa’ ċċassat lejn ir-restrizzjonijiet biex nikkontrollaw dan il-virus.  Oħrajn, iżda, ħadu l-opportunita’ biex ibidlu l-istil ta’ ħajjithom biex mhux biss ikampaw mal-bidliet li ġab dan il-virus fil-ħajja ta’ kulħadd, iżda li jagħmlu qabża ‘il quddiem.  

Żgur li n-negozji u anki ħafna postijiet tax-xogħol kellhom ibiddlu l-istil li kellhom jimxu.  Jekk nieħdu n-negozji nieħdu stampa ta’ kif ġraw l-affarijiet.  Ħafna min-negozji kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom.  Kien hemm min sempliċiment għalaq il-bieb u ma għamel xejn.  Oħrajn ħadu l-okkażjoni sabiex jagħmlu ċerti affarijiet li kellhom il-ħsieb jagħmlu biex itejbu n-negozju tagħhom.  Imma mbagħad kien hemm grupp li raw is-sitwazzjoni u peress li fil-bidu ħadd ma kien jaf kemm ser indumu bl-effetti drastiċi li kellhom jittieħdu, użaw it-teknoloġija u mezzi oħra sabiex jibqgħu joperaw fiċ-ċirkostanzi.  Dawn tal-aħħar mhux biss ħadu ħsieb in-negozju tagħhom imma tawħ qabża ‘il quddiem.

Dan rajnieh mir-reklami.  Ħafna mir-reklami sew fuq ir-radju u t-televixin sparixxew fil-bidu.  Ftit wara bdjena naraw reklami ta’ negozji li bdew joffru servizzi ġodda biex ikomplu n-negozji tagħhom minkejja ċ-ċirkostanzi.  Jekk nieħdu n-negozji li joffru affarijiet tal-ikel, min kien proattiv, beda joffri lill-konsumaturi s-servizz li jordnaw l-affarijiet li għandhom bżonn bit-telefon jew bil-website tagħhom.  Wara li tordna dawn offrew is-servizz li jibdew iġibulek l-affarijiet id-dar.  

Kien hemm negozji oħra li kienu diġa’ bdew jużaw it-teknoloġija diġitali għax kienu ppreparati.  Dan l-aħħar rajt intervista ma’ sid ta’ ħanut li jbigħ il-‘white goods’ – affarijiet bħal fridges, washing machines eċċ.  Dan in-negozju kien ippreparat minn qabel u baqa’ għaddej kważi bħas-soltu peress li kien diga’ derra lill-klijienti tiegħu jordnaw online .

Dawn kienu bidliet importanti.  L-unika dubju li għandi hu jekk dawn in-negozji li għamlu tibdiliet fin-negozji tagħhom, jirnexxilhomx iżommu u jiżviluppaw l-istil ġdid tan-negozju tagħhom u jkaxkru lill-oħrajn biex jagħmlu bħalhom.  Nittama li dan jiġri.  

Postijiet tax-xogħol oħra żgur li saru tibdiliet biex filwaqt li jżommu mar-restrizzjonijiet, ix-xogħol jibqa’ miexi.  Fost dawn kien hemm it-teleworking.  It-teleworking kien ilu li ġie introdott speċjalment fiċ-Ċivil.  Biss f’dawn il-postijiet kien hemm nuqqas li bih it-teleworking ma tantx kien effettiv.  Dan in-nuqqas hu minħabba li ftit hemm managers kienu jużaw sistemi li ilhom fis-suq biex jimmaniġġjaw dan ix-xogħol online.  Min-naħa l-oħra fil-privat, jien ċert li dawn is-sistemi diġitali ta’ management kienu jintużaw speċjalment fejn kien hemm nuqqas ta’ ħaddiema.

Post tax-xogħol li rajna taqliba kbira kien fl-edukazzjoni fejn it-tagħlim baqa’ għaddej.  It-taqliba kbira kienet fuq l-għalliema għaliex kellhom jaqilbu t-tagħlim b’mod li jkun effettiv online.  F’dan il-qasam, it-teknoloġija kienet ilha hemm biss minħabba ċ-ċokon tagħna u d-distanzi huma qosra ma konniex nużawha.  Hawn l-istess, nittama li dak l-isforz li sar ma jinħeliex fix-xejn meta jerġgħu jiftħu l-iskejjel u dak l-iżvilupp li sar ma jintilifx.  F’dan il-qasam għad għandna rridu nagħmlu passi ta’ ġgant biex niżviluppaw sistema effettiva b’mod diġitali.  Biss l-ewwel passi ħadnihom u ma narax għaliex m’għandux ikompli dan l-iżvilupp –żvilupp li jista’ wkoll jagħtina ċans li nerġgħu ninvolvu aktar lill-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ wliedhom.

F’dan il-qasam ħaġa li ddistingwitna kienet li l-Gvern daħal biex dawk it-tfal li ma kellhomx il-faċilitajiet, ipprovdielhom dawn.  Dan ma ġarax fil-pajjiżi kollha.  Per eżempju, fl-Italja l-ammont ta’ tfal li baqgħu mingħajr edukazzjoni għaliex ma kellhomx il-faċilitajiet ma kienx żgħir.  Kienu għaqdiet mhux governattivi li ħadu inizjattiva biex jipprovdu lil dawn it-tfal mezzi biex ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-iskejjel tagħhom u jkomplu jitgħalmu.

Post fejn rajt ftit li xejn ċaqliq kien il-qrati.  Nemmen li din kienet opportunita’ unika fejn kellna ndaħħlu sistemi aktar diġitali biex nagħmlu l-affarijiet isiru aktar sempliċi u effiċjenti.  Dan kien diżappunt għalija għax mill-ftit esperjenza li kelli mal-qrati tagħna ma tantx kienet waħda fejn rajt effiċjenza.  Kienet opportunita’ mitlufa għaliex stajna mużaw it-teknoloġija biex niżviluppaw il-proċeduri b’tali mod li filwaqt li jibqgħu validi, isiru online.

Dan iwassalni għall-aħħar punt – is-saltna tad-dritt.  Illum ħlief fuq dan l-aspett il-politikanti ma sarux jitkellmu meta niġu għall-qrati. Biss in-nies l-aktar tibdil li jridu jaraw fil-Qrati tagħna huma l-affarijiet li jagħmluhom aktar faċli biex il-ħela ta’ żmien li hemm naqtgħuh darba għal dejjem.   Ma ninsewx li ‘justice delayed is justice denied’.  Ħaġa oħra li n-nies iridu hi li jibda jintuża l-Malti li jifhmu n-nies ordinarji u mhux ħlief Malti taljanizzat li jifhmuh biss l-avukati mu jintużax.   

Hi ħasra li  dan il-qasam ma ħadx l-opportunita’ tal-coronavirus biex idaħħal sistemi moderni ta’ proċeduri biex l-affarijiet jitjiebu.

Qasam ieħor li żgur sar tibdil minħabba din is-sitwazzjoni hi il-familji.  S’issa ftit għandna nafu x’tibdil sar fil-familji.  Li nafu żgur hu li minħabba l-fatt li kellna nnaqsu il-kuntatti soċjali minħabba din il-pandemija, kellna aktar kilba għal dawn il-kuntatti.  Dan minħabba li l-bniedem hu annimal soċjali u l-kuntatt soċjali hu essenzjali għalih.  Kien għalhekk li ħafna bdew jerġgħu jiftakru f’nies sew tal-familja u nies li jafu u għamlu kuntatti magħhom.

Aspett li ma nafux hu jekk dan kellux effett fuq ir-rwoli tal-membri tal-familji.  Hu aspett li nħoss li għandu jiġi studjat b’riċerka mill-istudużi tas-soċjoloġija biex nifhmu aktar is-soċjeta’ tagħna u anki biex inkomplu nsaħħu dak it-tibdil li kien ta’ ġid.

Share With: