Possibbiltá ta’ azzjoni legali jekk il-Premier League ma jitkomplix

Il-Kampjonat Premier Ingliż jista’ jiffaċċja snin sħaħ ta’ battalji legali jekk l-istaġun attwali ma jitkompliex minħabba l-pandemija tal-Coronavirus. Dan intqal miċ-chairman ta’ Crystal Palace, Steve Parish, meta kien qed jitkellem fuq is-sit elettroniku tal-club.

Parish beda joffri l-għajnuna professjonali tiegħu għal dak li ġie msejjaħ bħala “Project Restart” fejn il-pjani hu li b’xi mod ikompli jintlagħab l-ogħla kampjonat Ingliż. Għal dan l-għan kemm Brighton and Hove Albion u West Ham United, li t-tnejn li huma qed jissieltu biex ma jaqgħux, esprimew l-opinjoni li mhux se tkun faċli għalihom li jilagħbu l-logħob tagħhom fi ground newtrali.

Il-Premier League Ingliż flimkien mal-Gvern qed jaħdmu sabiex isibu metodu tajjeb u sigur li bih il-players ikunu jistgħu jerġgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ fil-jiem li ġejjin bil-pjani jkunu li jitkompla l-kampjonat f’Ġunju.

Dan kollu qed iseħħ fl-isfond ta’ kampjonati oħra fosthom il-Ligue 1 Franċiża u l-Eredivisie Olandiża li ddeċidew li jwaqqfu l-logħob tagħhom biex inaqqsu l-firxa tal-Covid-19. Filwaqt li Paris St Germain kienu inkurunati champions, Ajax Amsterdam ġew imċaħħda mill-istess sodisfazzjon hekk kif id-deċiżjoni kienet li ħadd ma jirbaħ it-titlu.

Parish kompla jgħid li l-istaġun fl-Ingilterra għandu jkompli anke minħabba raġunijiet ta’ integritá sportiva filwaqt li jara lil Liverpool jiġu dikjarati champions fil-ground u mhux fuq il-mejda.  Huwa qal li jekk ma jsirx dan, il-Premier League Ingliż se jkun qed jaffaċċja battalji legali li jafu jkaxkru s-snin. Huwa ammetta li l-flus iħollu u jorbtu diversi affarijiet iżda dan kollu hu parti mill-ogħla kampjonat Ingliż. Iċ-chairman ta’ Crystal Palace qal li l-football huwa industrija kbira u jekk kollox jieqaf ħesrem, it-telf finanzjarju kumplessiv jaf jilħaq il-biljun ewro.

Parish kompla jgħid li l-football huwa wieħed mill-industriji li jiġġeneraw taxxi u li minnhom jitwettqu proġetti kbar għall-ġid tal-poplu Ingliż. Hu żvela li bħala clubs iħallsu madwar £3.3 biljun kull sena u din hi parti mill-piramida li żżomm ħaj il-Premier League Ingliż.

Sadanittant il-lockdown nazzjonali fl-Ingilterra se jibqa’ għaddej sa nhar il-Ħamis li ġej wara li madwar 28,000 ruħ mietu f’xahrejn fl-isptarijiet, djar tal-kommunitá u postijiet oħra.

Finalment Parish spjega li ‘Project Restart’ hu risposta għal ċerti kummentaturi li bdew jikkritikaw bl-addoċċ l-operat tal-ogħla kampjonat Ingliż. Fost dawn kien hemm Gary Neville li huwa opinjonista fuq l-istazzjon Sky Sports. Filwaqt li anke Neville esprima x-xewqa li l-kampjonat jitkompla, wieħed irid iżomm f’moħħu r-riskji kollha li huma involuti minn din id-deċiżjoni.

Sadanittant waqt li l-kampjonati fl-Ingilterra, l-Italja u Spanja mhux mistennija jkomplu qabel ix-xahar id-dieħel, il-Bundesliga Ġermaniża għandhom pjan li jkomplu l-istaġun fl-aħħar ġimgħa ta’ dan ix-xahar. Minkejja kollox, dan il-pjan jaf ma jseħħx wara li tliet players ta’ Cologne instabu pożittivi għal Covid-19. F’dan il-każ, dan il-club ħabbar li se jkunu jistgħu jkomplu s-sessjoni ta’ taħriġ wara li jkun hemm żewġ testijiet negattivi.

Jidher li se jkunu jiem u ġimgħat ta’ taqtigħ il-qalb għal diversi assoċjazzjonijiet li qed jaraw kif jagħmlu sabiex bil-mod il-mod jirritornaw lura għan-normal fost inċertezza kbira li għadha tirrenja f’ħafna minnhom.

Share With: