“Pożittiv għall-Covid-19 u mingħajr sintomi … irrid inwassal it-tama u l-kuraġġ mhux il-biża’”

It-Terapista tal-Familja Karl Wright jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu hekk kif ftit jiem ilu ngħata l-aħbar li kien pożittiv għall-Covid-19

Minn MARIA AZZOPARDI

“Għall-ħabta tal-11.30pm waslitli t-telefonata mingħand tabib, jgħarrafni li rriżulta li jien pożittiv għall-Covid-19. Inkun onest għall-ewwel ħsibtha xi ċajta minn xi kollega jew xi ħabib. Imbagħad semmieli l-ID Card u ħallejtu jagħtini n-numru. Minn hemm qisni ħadtha bis-serjetà, però xorta kont għadni qed nipprova nniżżilha.”

Hekk qal it-Terapista tal-Familja Karl Wright f’intervista ma’ inewsmalta ftit jiem wara li ngħata l-aħbar li kien pożittiv għall-Covid-19 minkejja li ma kellu l-ebda sintomi.

Telefonata bħal sajjetta fil-bnazzi. Telefonata li qanqlet numru ta’ ħsibijiet u konfużjoni f’moħħ it-terapista tal-familja li sa ftit snin ilu kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Istitut Malti tal-Ġurnalisti. It-tabib qallu li filgħodu kellu jistenna iżjed telefonati. Mistoqsi minħabba l-fatt li ma kellux sintomi, kif ħass il-ħtieġa li jagħmel it-test huwa qal li minħabba li bħall-bqija tal-istaff, bħala Terapista tal-Familja fi ħdan l-FSWS t’Għawdex baqa’ mitlub jirrapporta għax-xogħol, sarilhom random testing il-Ħamis 30 t’April 2020. Mistoqsi wkoll dwar x’tip ta’ kura qed jingħata, huwa qal li mhu qed jingħata l-ebda kura mediċinali, sempliċiment irid jibqa’ f’iżolament u jkun attent għal xi sintomi li jistgħu jiżviluppaw.

L-ewwel inkwiet tiegħi kien dwar tal-familja, inkluż dawk vulnerabbli. Assigurani li l-għada stess kien se jsirilhom it-test.

“L-ewwel inkwiet tiegħi kien dwar tal-familja, inkluż dawk vulnerabbli. Assigurani li l-għada stess kien se jsirilhom it-test. Ħeġġiġni biex sadattant nevita kemm possibbli l-kuntatt magħhom. Minn dak il-mument sal-għada, l-inkwiet tiegħi kien fuq ir-riżultat tal-bqija tal-familjari fid-dar. Għall-grazzja t’Alla l-għada sarilhom it-test u rriżultaw negattivi,” qal Wright.

Minkejja kollox, huwa jisħaq li f’dik il-konfużjoni li kellu f’moħħu, sab ħafna umanità u solidarjetà u jirringrazzja lil kull min qed jgħinu f’dawn il-ġranet u anke min qed iżomm il-kuntatt miegħu. Apparti minn hekk huwa qed jagħżel li jaqdef kontra l-kurrent u flok jostorha, jitkellem dwarha tant li saħansitra qed jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fuq blog personali. Dan kollu bil-għan li jnaqqas l-istigma marbuta minħabba l-fatt li persuni li jiġu pożittivi għall-Covid-19 ħafna drabi n-nies jagħtuhom tikketta negattiva. L-ebda pazjent li jiġi pożittiv għall-Covid-19 m’għandu jħossu li għandu tort għax żviluppaw is-sintomi.

Hu qed jagħżel li jaqdef kontra l-kurrent u flok jostorha, jitkellem dwarha, tant li saħansitra qed jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fuq blog personali. Dan kollu bil-għan li jnaqqas l-istigma marbuta minħabba l-fatt li persuni li jiġu pożittivi għall-Covid-19 ħafna drabi n-nies jagħtuhom tikketta negattiva.

“Ma nħallux il-ġudizzju jbeżżagħna. Niddeċiedu fl-aqwa interess ta’ saħħitna u tas-sanità psikoloġika u emozzjonali tagħna. Irrid inwassal it-tama u l-kuraġġ u mhux il-biża u l-qtigħ ta’ qalb. Iktar ma nitkellmu fil-miftuħ ma’ min jista’ jgħinna, iktar nitgħallmu u nkissru l-istigma,” qal Wright.

Aktar dettalji fl-intervista sħiħa li se tidher għada fuq il-ġurnal L-ORIZZONT.

Share With: