“Project Restart” – Possibbiltá kbira li l-Premier League Ingliż jissokta

Il-clubs li jiffurmaw il-Premier League Ingliż se jissoktaw b’aktar taħditiet matul il-ġimgħa li ġejja biex jiftiehmu fuq data li fiha potenzjalment jkompli l-istaġun tal-football fil-pajjiż.

Il-membri li jiffurmaw dan il-kampjonat huma determinati li jispiċċaw il-kampjonat u ddiskutew ukoll il-possibbiltá li jkomplu t-92 logħba li fadal saħansitra fi grounds newtrali.

Hemm pjan ukoll li l-players jiġu ttestjati darbtejn fil-ġimgħa sabiex jaraw jekk ikunux pożittivi jew le għall-Covid-19 fost il-miżuri li mistennija jittieħdu sabiex jassiguraw is-saħħa u s-sigurtá fost il-players involuti.

Fil-laqgħa li damet aktar minn erba’ sigħat ġie deċiż li għandha ssir video conference oħra nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju sabiex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi.

Mill-banda l-oħra hemm ippjanata laqgħa oħra fil-15 ta’ Mejju li ġej biex tittieħed deċiżjoni definittiva għalkemm diversi clubs sostnew li ma jistgħux jistennew daqshekk sabiex ċerti kwistjonijiet jiġu konfermati.

Kull deċiżjoni rigward it-tkomplija tas-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-clubs trid tittieħed b’approvazzjoni mill-Gvern wara diskussjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Minkejja kollox, l-aħħar rapporti li qed joħorġu t-tabloids Ingliżi qed jgħidu li uffiċjali għolja f’Downing Street huma favur l-idea ta’ “Project Restart” fejn f’tentattiv li jitkompla l-istaġun, se jkun kruċjali li l-clubs jaċċettaw l-idea li jilagħbu fi grounds newtrali. Minkejja kollox, dan il-proġett ma kisibx l-approvazzjoni tal-clubs li qed jgħidu li din id-deċiżjoni qed tnaqqar l-integritá tal-isport u l-fair play.

Minkejja din l-opinjoni, diversi entitajiet fosthom anke l-pulizija qed jaħsbu għal din l-eventwalitá li tista’ tkun kruċjali sabiex il-Premier League Ingliż ikun jista’ jissokta.

Finalment għad hemm ftit reżistenza fuq l-idea li l-players jiġu ttestjati permezz ta’ swabs minħabba problema ta’ staff li bħalissa qed tolqot diversi clubs Ingliżi.

Fil-jiem li ġejjin se jkun hemm aktar stampa ċara dwar it-triq ‘il quddiem sabiex l-ogħla kampjonat Ingliż ikun jista’ jkompli.

Liverpool għandhom 25 punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali Manchester City fil-klassifika.

Share With: