Putin sfurzat inaqqas il-miżuri ta’ prekawzjoni

Ir-Russja huwa fost l-aktar pajjiż b’infezzjonijiet tal-Coronavirus iżda l-poplu jrid jerġa’ jiftaħ l-industrija u jqajjem l-ekonomija fuq saqajha

Miktub Minn Carmen Cachia                    

Wieħed mill-pajjiżi kbar li f’dawn l-aħħar ġimgħat beda jidħol fi kriżi serja minħabba l-Coronavirus huwa r-Russja li għall-bidu tal-pandemija deher li kien se jiskansaha. Iżda issa, mhux talli ġie affetwat, talli huwa l-ħames l-aktar pajjiż b’infezzjonijiet fid-dinja b’total ta’ 209,688. Minkejja ż-żieda fil-każijiet ta’ infezzjonijiet minn din il-pandemija, il-President Russu Vladimir Putin, se jkollu jnaqqas ir-restrizzjonijiet wara li stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li l-mexxej tilef mill-popolarità tiegħu ma’ l-elettorat proprju minħabba d-deċiżjonijiet li qiegħed jagħmel f’dan il-perjodu. 

Vladimir Putin din il-ġimgħa laqa’ proposta biex il-kumpaniji industrijali u l-proġetti ta’ kostruzzjoni jerġgħu jibdew biex xogħol tagħhom wara li kellu laqgħa importanti mal-ministri u l-gvernijiet reġjonali tiegħu. Fir-Russja, bħal kull pajjiż ieħor, il-lockdown qiegħed ikollu r-riperkussjonijiet ekonomiċi iżda waqt pandemija bħal din, il-prijorità hija proprju s-saħħa pubblika u mhux il-flus.

Minkejja l-ammont kbir f’eluf ta’ morda fir-Russja, ta’ min wieħed jinnota li l-ammont tal-vittmi baqa’ baxx b’total ta’ 1,915. L-ammont ta’ persuni li mietu minħabba l-Covid-19 fir-Russja huwa l-inqas wieħed fost l-aktar pajjiżi milquta mill-Coronavirus, inkluża l-Ġermanja li tant kienet imfaħħra għall-istrateġija tagħha kontra din il-pandemija. 

Fil-fatt il-Ġermanja b’171,879 każijiet ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19, tilfet 7,569 ċittadini. Dan l-ammont huwa ferm aktar minn dawk fir-Russja. It-tliet pajjiżi Ewropej l-aktar milquta – Spanja, l-Italja u r-Renju Unit kollha tilfu medja ta’ 29,000 ċittadini u għalhekk in-numru tal-vittmi fir-Russja huwa verament baxx ikkomparat magħhom. 

L-istrateġija tar-Russja għandha mhix uffiċjali iżda dan il-pajjiż ukoll qiegħed jagħmel ħafna testijiet u fil-fatt huwa rrapportat li diġà għamel madwar 5.5 miljun test għall-Covid-19. Dan huwa l-akbar ammont wara l-Istati Uniti li għamlet 9.5 miljun test. Pajjiżi Ewropej oħra milquta ħafna mit-tifqigħa tal-Covid-19 għamlu inqas testijiet fejn għandna lil Spanja b’2.4 miljun testijiet, l-Italja b’2.5 miljun u r-Renju Unit b’1.8 miljun testijiet.  

Il-popolarità ta’ Putin fost l-elettorat hija l-inqas f’dawn l-aħħar 20 sena

Il-President Vladimir Putin aċċetta li jnaqqas il-miżuri wara li stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera li din il-pandemija naqqset il-popolarità tiegħu tant li huwa ħa l-akbar daqqa ‘l isfel fil-karriera politika tiegħu għal dawn l-aħħar 20 sena.

Fil-laqgħa ġie deċiż li s-setturi industrijali u dawk tal-kostruzzjoni jerġgħu jibdew joperaw fit-12 ta’ Mejju iżda l-President Russu wissa li se jkun diffiċli ħafna li kollox jirritorna għan-normal minħabba li l-virus qattiel għadu qiegħed jiċċirkola sew fil-pajjiż.

“F’ċerti nħawi li huma milquta ħafna, jagħmel sens li jinżammu l-miżuri ta’ prevenzjoni jew jekk ikun hemm bżonn, anke jiżdiedu. Mentri f’ċerti postijiet huwa possibbli li nagħmlu pjan studjat biex bil-mod il-mod inaqqsu l-lockdown,” qal Putin. Huwa però żied jgħid li, “ħa nerġa’ nirrepeti: ma nistgħux ngħaġġlu aktar milli jmissna jew milli nifilħu għax jekk inkunu traskurati nistgħu nbatu ħafna u mmorru lura daqs granċ”.

L-ekonomija tar-Russja għaddiet minn kriżi doppja wara li l-prezz taż-żejt waqa’ u bil-miżuri tal-lockdown naqas ukoll l-introjtu mill-esportazzjoni ta’ dan is-sors naturali. Barra minnhekk ir-restrizzjonijiet u d-daqqa ‘l isfel fil-prezz taż-żejt waslu biex setturi kbar industrijali waqfu kompletament mill-operat tagħhom. Tajjeb li wieħed ikun jaf li ż-żejt fir-Russja huwa 50% tal-baġit totali tal-pajjiż.

B’differenza għall-pajjiżi Ewropej, l-amministrazzjoni ta’ Putin damet biex toħroġ miżuri kontra l-pandemija. L-Ewropa bdiet minn kmieni tinforza l-lockdowns u għamlet diversi pakketti finanzjarji ta’ għajnuna liċ-ċittadini tagħha. L-istrateġija Ewropea saret bil-għan li l-ekonomija ma tbatix ħafna u issa, hekk kif il-pajjiżi Ewropej irnexxielhom jikkontrollaw in-numru tal-infezzjonijiet ġodda, qegħdin bil-mod il-mod, jitneħħew il-miżuri ta’ prevenzjoni fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

Telf minflok qligħ…

Il-ministru tal-iżvilupp ekonomiku tar-Russja qal lil Putin li fi tmiem ix-xahar li għadda, l-ekonomija tar-Russja niżlet bi 33% meta mqabbla ma’ kif kienet qabel ma beda l-lockdown. Huwa żied jgħidlu li fir-reġjuni kollha, barra f’Moska, 78% tal-ħaddiema ma kienux qegħdin imorru għax-xogħol. Barra minnhekk fl-istess laqgħa bejn Putin u l-ministri tiegħu, intqal li f’April il-ħlas totali ta’ taxxi niżel b’31.4%. 

Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan il-pajjiż hija mhedda u huwa mistenni li d-deficit fil-baġit ta’ din is-sena se jilħaq 4% tal-Prodott Gross Domestiku u dan minflok iż-0.8% surplus li kien mistenni li se jkollhom qabel faqqa l-Coronavirus. F’intervista li kellu, il-ministru tal-finanzi Anton Siluanov, ħabbar li konsegwenza tal-kriżi tal-pandemija, il-Gvern Russu se jkollu jerġa’ jiddejjen $60 biljun (€55 biljun).

Din il-kriżi xejnet il-pjanijiet ta’ Putin li din is-sena kien se jagħmel vot nazzjonali biex isir tibdil fil-kostituzzjoni. Din l-elezzjoni hija importanti minħabba li t-tibdil propost jagħtih il-fakultà li jibqa’ fit-tmun tat-tmexxija tal-pajjiż wara s-sena 2024, meta huwa li jkun spiċċa b’suċċess ir-raba’ mandat tiegħu.

Sadanittant f’April irriżulta li 59% biss tal-poplu Russu huma favur li Putin jibqa’ jmexxi u dan huwa l-aktar perċentwal baxx mindu laħaq President tar-Russja f’Jannar tas-sena 2000. F’Marzu li għadda dan il-perċentwal kien ta’ 63%, mentri fl-2015 Putin kien appoġġjat minn 89% tal-elettorat. Dan il-perċentwal għoli ta’ ħames snin ilu, inkiseb wara li r-Russja invadiet lill-Ukranja.

Minħabba li l-istħarriġ juri li l-mossi ta’ Putin ma tanx neżlin tajjeb mal-poplu tiegħu u anke mill-politiċi ta’ madwaru, Putin issa se jkollu jagħmel il-pass riskjuż li jnaqqas il-miżuri ta’ prevenzjoni u dan minkejja li l-infezzjonijiet qegħdin dejjem jiżdiedu. “Il-prezz qares għall-inqas żball li se nagħmlu se jissarraf f’konsegwenzi fis-sigurtà, fil-ħajja u f’saħħet il-poplu tagħna. Huwa għalhekk li kull deċiżjoni għandha tittieħed b’responsabbiltà kbira,” wissa fi tmiem l-intervent tiegħu Vladimir Putin.

Kritika għal mod kif Putin imexxi fil-mumenti ta’ kriżi

Minn żmien għal żmien il-President Russu kien ikkritikat għall-mod kif imexxi, kif ukoll għal mod kif jiffaċċja sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-pajjiż tiegħu. Kritiċi kif ukoll analisti politiċi qalu li l-mod ta’ kif Putin qiegħed jiffaċċja l-pandemija jfakkarhom fid-dittatur Sovjetiku Josef Stalin li wara li l-forzi Ġermaniżi kissru lir-Russja f’inqas minn 48 seigħa, Stalin ingħalaq waħdu f’residenza sigrieta għal numru ta’ ġranet.

Fi żmien il-Coronavirus jingħad li Putin ukoll jinsab iżolat f’residenza lussuża barra Moska. Huwa rrapportat li fil-bidu tal-pandemija kien serraħ moħħ il-poplu li kollox kien sejjer tajjeb mentri ftit wara saret estensjoni tal-perjodu ta’ lockdown sat-tmiem ix-xahar ta’ April. Hawnhekk Putin qal li, “minħabba li l-virus qiegħed jolqot b’mod differenti f’kull reġjun, jagħmel sens li nħalli f’idejn l-amministrazzjonijiet reġjonali biex jieħdu ħsieb is-sitwazzjoni”. 

Din l-aħbar minn Putin ħadwet lil ħafna nies minħabba li għal snin twal il-Kremlin żamm il-poter f’idu u b’mod ċentrali. Fil-fatt it-tmexxija ta’ dan il-President minn dejjem kien tagħti lill-gvernijiet lokali l-inqas poter possibbli fit-tmexxija tar-reġjuni. Issa f’sitwazzjoni ta’ kriżi serja mhux biss nazzjonali, iżda anke globali, Putin qal li “jafda” biżżejjed fl-awtoritajiet lokali għax skont kliemu, “huma jifhmu aħjar is-sitwazzjoni fir-reġjuni li jmexxu u jinsabu huma fihom stess”.

Puttin dejjem “missing in action”

Il-kritiċi jemmnu li Putin u l-Kremlin għall-bidu ma rrealizzawx is-serjetà tal-pandemija bl-istess mod li Stalin ma fehemx l-intenzjonijiet tan-Nażisti fit-Tieni Gwerra Dinjija meta invadewhom. Min-naħa l-oħra l-Kremlin insista li l-lockdowns u l-multi relatati huma affarijiet li għandhom ikunu deċiżi reġjun b’reġjun, skont il-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet li jinsabu fihom. Mentri min-naħa l-oħra Putin irid li jkollu ħin biex jiddeċiedi affarijiet li skont huwa, huma aktar importanti għall-futur tar-Russja.

L-attitudni tal-President Russu kienet ikkritikata wkoll fis-sena 2000 meta mar vaganza f’żona turistika fil-Black Sea fl-istess perjodu li għereq is-sottomarin nukleari Kursk. Wara li l-midja lokali kkritikat il-mod kif Putin “ħarab” mis-sitwazzjoni, huwa ltaqa’ mal-qraba tal-118 vittmi ta’ dan l-inċident marittimu. Il-laqgħa ma marritx tajjeb minħabba li l-qraba akkużaw lill-mexxej Russu li ma ħax azzjoni f’waqtha u li hemm taħwid fit-tmexxija militari tal-pajjiż.

Fl-2018 Putin reġa’ kien ikkritikat wara li naqas fil-mod kif ġab ruħu bl-aħbar ta’ nirien kbar li ħakmu stabbiliment kbir tal-ħwienet fil-belt ta’ Kemerovo. F’dan l-inċident mietu 64 persuna, li 41 minnhom kienu tfal. Il-familji f’luttu akkużaw lil Putin li reġa’ għamel l-istess żball li kien għamel fil-każ tal-Kursk.

Share With: