Raġel ta’ 28 sena arrestat fuq droga; Se jkun akkużat ukoll li pparteċipa f’atti sesswali ma’ minuri

Raġel ta’ 28 sena residenti Bormla, kien arrestat b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga. 

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjonijiet, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), waqqfu vettura waqt li din kienet qiegħda tinstaq f’Ħaż-Żabbar. 

Fi tfittxija li saret fil-vettura l-Pulizija sabu numru konsiderevoli ta’ qratas bit-trab abjad u kannella, ssuspettata droga kokaina u eroina, lesti għat-traffikar, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.  

Fil-vettura miegħu kien hemm tfajla ta 15-il sena. 

It-tfittxijiet mill-Pulizija issoktaw f’żewġ residenzi f’Bormla, fejn instabu aktar oġġetti relatati mad-droga, flus kontanti u kif ukoll pistola u munizzjon.  

Bil-każ infetħet ġiet informata l-Maġistrat Rachel Montebello, li min-naħa tagħha ħatret l-esperti sabiex jassistuha. 

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin u jkun akkużat bil-pussess aggravat ta’ droga, bil-pussess ta’ arma tan-nar u munizzjon, ħasil ta’ flus u kif ukoll li pparteċipa f’atti sesswali ma’ persuna taħt l-età. 

Share With: