Sidien tar-ristoranti jemmnu li kienet għażla ġusta li n-negozji jerġgħu jiftħu

Minn Maria Azzopardi

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħadmet id f’id mal-Awtoritajiet tas-saħħa dwar x’passi għandhom jittieħdu biex ir-ristoranti jerġgħu jibdew joperaw. Mill-bieraħ daħlu fis-seħħ numru ta’ miżuri u pajjiżna reġa’ fetaħ mill-ġdid il-bibien tal-ospitalità. Dan ifisser pass ieħor lejn it-triq tan-normalità fejn il-poplu jista’ mill-ġdid jieħu ftit mistrieħ u jgawdi dak li jissejjaħ turiżmu intern. Wara xahrejn magħluqa, bosta sidien tar-ristoranti laqgħu b’mod pożittiv d-deċiżjoni tal-Gvern li jerġgħu jibdew jiftħu mill-ġdid u, filwaqt li jsegwu kull istruzzjoni mogħtija lilhom, jinsabu ħerqana biex joperaw f’ambjenti sikuri aktar minn qatt qabel.

Inewsmalta.com tkellem ma’ uħud minn dawn is-sidien biex jara x’qed tgħid l-industrija dwar dan.

Intant, matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli żaret diversi ristoranti u kafeteriji fil-Belt Valletta. Akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi kif ukoll minn uffiċjali għolja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministru tkellmet mas-sidien tal-ħwienet fejn dawn kollha esprimew sens ta’ sodisfazzjon għall-impenn tal-gvern u tal-Ministeru biex bil-mod il-mod l-industrija tal-catering terġa’ tieħu l-ħajja.

Pożittiv li nerġgħu niftħu; Nemmen li għandna nkunu tajjeb

Aaron’s Kitchen
Aaron Degabriele, is-sid tar-restorant Aaron’s Kitchen

Aaron Degabriele, mir-ristorant bl-isem ta’ ‘Aaron’s Kitchen’ qal li qabel mal-aħbar tal-ftuħ mill-ġdid tal-ristoranti u huwa pożittiv li jerġa’ mill-ġdid jibda jservi lill-klijenti tiegħu. Huwa qal li l-Covid-19 se tkun qed tbiddel mhux ftit l-esperjenza ta’ ristorant anke rigward ċertu etikett li huma mdorrijin bih, iżda d-deċiżjoni li jerġgħu jiftħu kienet waħda tajba ħalli b’hekk ir-rota tkun tista’ terġa’ mill-ġdid tibda tiċċaqlaq. Degabriele qal li personalment żamm ftit lura u ma fetaħx mill-ewwel l-istabiliment tiegħu iżda qed jaħseb biex il-ftuħ ikun lejn l-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla biex ikun ċert li jkun jaf l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar kif għandhom joperaw u għalhekk issuġġerixxa li ssir bħal lista ta’ x’inhu mistenni minnhom ħalli jserrħu rashom li għandhom kollox kif mistenni. 

Huwa qal li lest mill-ġdid iservi lill-klijenti tiegħu u se jkun qed jassigura li joffri l-aħjar servizz bħal kif dejjem għamel minkejja li jista’ jkun hemm il-possibiltà li l-menù jkun iktar ristrett. Huwa jemmen li għandhom ikunu tajjeb iżda ovjament jifhem li ċertu xogħol mhux se jkun bħal qabel. Huwa spjega li matul il-perjodu li r-ristorant kien magħluq milli jservi l-klijenti bħas-soltu, xorta waħda kien qed jopera permezz tas-servizz ta’ take-away u għalhekk ħa ċertu miżuri bħal tibdil fl-istruttura ta’ kif jopera. Madanakollu, huwa jħares ‘il quddiem u qed iħejji l-preparament kollha neċessarji anke rigward tindif u diżinfestazzjoni tal-affarijiet biex iħares kemm lill-impjegati tiegħu kif ukoll jkun tal-ogħla standards anke għall-klijenti tiegħu.

Għażla ġusta li n-negozji jerġgħu jiftħu

Tarragon
Marvin Gauci, is-sid tar-restorant Tarragon

Is-Sid ta’ ‘Tarragon’, Marvin Gauci, qal lil dan il-ġurnal ħa pjaċir bl-aħbar li jistgħu jiftħu mill-ġdid u sostna li din kienet għażla ġusta biex anke l-ekonomija tibda’ tirpilja bil-mod.

Huwa qal li qed jimxu ma’ kull direttiva maħruġa biex jassiguraw li jkunu tassew konformi biex joperaw u fl-istess waqt jagħtu serħan il-moħħ kemm lill-impjegati kif ukoll lill-klijenti tagħhom.

Huwa qal li r-rispons minn nies kien tajjeb u fil-fatt diġà kellhom xi bookings iżda naturalment l-ammont tal-bookings se jkunu qed jonqsu peress li naqqsu l-imwejjed biex ikunu konformi mad-distanza stipulata li għandu jkun hemm bejn mejda u oħra.

Is-Sid ta’ Tarragon qal li min ikun professjonali se jimxi mal-miżuri kif fil-fatt qed jagħmlu huma. Tant hu hekk, li madwar tlieta jew erba’ darbiet fis-sena jkollhom audits privati li huma essenzjali għax mingħajrhom ma jkollhomx stampa ċara tal-operat. Minkejja kollox, huwa stqarr li jinsab ftit imħasseb dwar is-sitwazzjoni u se jkunu jivvalutaw is-sitwazzjoni maż-żmien li ġej.

Ħadna nifs kif sirna nafu li nistgħu nerġgħu noperaw

Ta’ Ċensu
Chanise Buttigieg Gerada, sid ir-ristorant bl-isem ‘Ta’ Ċensu’

Chanise Buttigieg Gerada, sid ir-ristorant bl-isem ‘Ta’ Ċensu’ tkellmet ma’ dan il-ġurnal u qalet li laqgħet b’mod pożittiv il-miżuri mħabbra mill-Gvern għax b’hekk ikunu jistgħu jieħdu nifs mill-ġdid. Madankollu jinsabu mħassba kemm din is-sitwazzjoni se tkun vijabbli fit-tul u għandhom ftit dubji dwar kemm se jkunu qed jirrispondu n-nies għal din il-bidla. Hija żiedet tgħid li se jkunu qed joperaw bl-imwejjed fuq barra biss.

Buttigieg Gerada spjegat li ma kinitx diffiċli għalihom biex ippreparaw għall-ftuħ mill-ġdid peress li ħafna mil-linji gwida kienu diġà qed jimxu magħhom bħala proċedura ta’ iġene fir-ristorant tagħhom. Hija żiedet tgħid li qalbu kollox għal disposable bħal fradal, hand towels, u spjegat li l-iskart se jkun mormi f’bins apposta (pedal bins). Apparti minn hekk ħadmu biex ikollhom menus li jintużaw darba filwaqt li l-impjegati se jkunu qed jilbsu visor. Intant, se jkunu qed jassiguraw li jkun hemm metodi differenti ta’ diżinfestazzjoni u tindif saħansitra tal-posati li jkunu f’boroż separati.

Il-miżuri mħabbra huma tajbin u ħadnihom bis-serjetà ħafna

Capo Crudo
Keith Seychell, is-sid tar-restorant Capo Crudo

Keith Seychell, sid ir-ristorant ‘Capo Crudo’ qal lil Inewsmalta.com li jaħseb li l-miżuri mħabbra mill-Gvern dwar il-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti huma tajbin u huma ħaduhom bis-serjetà ħafna biex ikollhom tassew servizz eċċezzjonali li huwa xieraq li jkollu kull klijent.

Huwa spjega li huma mxew mal-linji gwida li ħareġ il-Gvern fosthom li se jżommu żewġ metri ‘l bogħod minn mejda għal mejda. Apparti minn hekk implimentaw il-miżuri marbuta mal-indafa fosthom li jiffumikaw ir-ristorant flimkien ma’ kumpanija professjonali għall-ġid tal-klijenti kollha.

Personalment huwa qal li kieku kieku kien iħalli kollox magħluq sal-aħħar ta’ Mejju għax huwa ftit beżgħan dwar il-fatt li jekk il-każijiet jerġgħu jitilgħu, ikollhom mill-ġdid jerġgħu jagħlqu b’detriment għall-iktar xahrejn tajbin fis-settur tal-ospitalità li huma Lulju u Awwissu.  Madanakollu, Seychel jittama li jmur kollox sewwa u jgħaddu minn din il-fażi kerha ta’ żmien ħażin, “ħalli forsi nerġgħu nibdew indawru r-rota ta’ kuljum.”

Share With: