“Tgħid xejn għax problemi jkollok” … Ħaddiem mhedded biex jagħlaq ħalqu dwar il-każ ta’ Miriam Pace

It-Tnejn li ġej jagħtu x-xhieda tagħhom dawk affettwati mill-inċident li ħalla lil Miriam Pace bla ħajja

Minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se tkun qiegħda tibda x-xhieda fil-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil involontarju ta’ Miriam Pace.

Miriam Pace nstabet bla ħajja qalb it-tiġrif ta’ darha stess fit-2 ta’ Marzu li għadda. Kien wara nofsinhar meta l-Pulizija daħlilhom rapport li kienet ċediet residenza fi triq li fiha kienet għaddejja ħidma ta’ kostruzzjoni fil-Ħamrun. Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew immedjatament b’ħidma bit-tama li l-mara li kienet maħsuba li ntradmet kawża tal-inċident tinstab ħajja.

Intant il-ħidma delikata ħadet numru ta’ sigħat u wara li kelb tal-Pulizija identifika l-post fejn kienet il-mara, sfortunatament din instabet bla ħajja mirduma fir-radam.

10:15 a.m:

Tintemm ix-xhieda tal-lum. It-tnejn tkompli tinstema’ x-xhieda fejn mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom dawk affettwati fosthom Carmelo Pace.

10:00 a.m:

Fl-istqarrija tiegħu l-Albaniż kien qal li qatt ma tkellem mal-perit, iżda Ludwig qal li hu kien jimxi ma’ dak li jgħidlu l-Perit Camilleri u li qatt ma kien hemm residenti li lmentaw minħabba ħsara.

L-Albaniż reġa’ ġie mitkellem u dan baqa’ konsistenti f’dak li kien qal.

Dawk li lmetaw li ġew affettwati kienu sid ta’ Showroom bl-isem ta’ Carmelo Pace li kellu esebiti sitt vetturi u makkinarju, Familja Sammut li għaddiet rapport bil-ħsarat li sofriet fir-residenza tagħha u familja Zerafa li wkoll ġiet affettwata.

9:45 a.m:

L-Ispettur kompla biex jgħid li ġew mitkellma żewġ ħaddiema li kienu fil-post fosthom Nicholas Spiteri u l-kuntrattur Ludwig Dimech. Dawn min-naħa tagħhom qalu li huma kienu għadhom qed inaddfu u li l-iskavar ma kienx għadu beda. Il-kuntrattur kompla li hu mexa skont l-ordni tal-perit inkluż fuq il-ħajt li tneħħa.

Spiteri qal li hu kien imur bit-trakk u ħaddieħor kien bil-gaffa. Min-naħa tiegħu qal li hu kien ġej u sejjer u li ħaddiem Albaniż bl-isem ta’ Erbios Hysa li kien ilu ħmistax-il ġurnata jnaddaf l-iskart tal-kostruzzjoni u jgħabbihulu. Spjega li dakinhar filgħodu kien hemm żewġ gafef fis-sit; waħda bil-bucket u l-oħta bil-musmar. Qal li dik bil-musmar kienet intremet dakinhar stess u li qabel kienet armata b’dik li huma jsejħula d-darsa. Spiteri dakinhar beda juża musmar biex ikisser xi ġebel taħt ir-residenza u wara ftit li beda juża gaffa bil-martell ċeda l-bini.

L-Albaniż min-naħa tiegħu qal li l-gaffa bil-martell iċċaqalqet mill-post u li anke gaffa oħra kienet ġiet imċaqalqa. Huwa qal li Spiteri qallu biex ma jgħid xejn dwar dan “għax problemi kbar ikollok”. L-Albaniż qal li hu kien imbeżża’ u minkejja li ftit sigħat wara kien ġie rilaxxat, l-għada kien mitkellem mill-ġdid fejn ta deskrizzjoni ta’ x’kien ġara.

Filmat meħud minn stabbiliment fiż-żona wera li ftit qabel l-inċident kienet tidher gaffa taħt ir-residenza bil-binja taqa’ ħdejha.

Fuq il-gaffa kien hemm daqqa li skont Ludwig ma kinitx hemm qabel. Spiteri meta interrogat mill-Pulizija għażel li ma jikkummentax iżda ma qabilx mal-verżjoni tal-Albaniż.

“Tgħid xejn għax problemi jkollok”

Nicholas Spiteri

9:15 a.m:

Tibda x-xhieda quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Se jibda jixhed l-Ispettur Robert Vella li hu inkarigat mill-investigazzjonijiet b’rabta mal-każ. Huwa beda biex jgħid li l-inċident seħħ fit-2 ta’ Marzu u kif daħal rapport ta’ dak li kien seħħ.

Qal li l-pulizija marru u sabu marti mir-residenza u anke parti minn garaxx li kienu ġġarrfu. Mill-ewwel investigazzjonijiet kien hemm suspett li kien hemm mara taħt it-tifrik u ssejħu membri Mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ambulanza.

L-Ispettur qal li kif mar fil-post għamel kuntatt mar-raġel tagħha li qallu li ħames minuti qabel kien qed jitkellem mal-mara. Ic-CPD illokalizzaw żona fejn kienu semgħu mowbajl idoqq u din instabet għall-ħabta tal-10:15 p.m u l-katavru nħareġ mis-sit għall-ħabta tal-10:52 p.m.

Kumpanija b’seba’ diretturi kienet responsabbli mis-sit fosthom il-perit Roderick Camilleri. Minħabba li ġew affettwati binjiet oħra kellhom jinstabu residenzi alternattivi.

Ftit tas-sigħat wara l-Pulizija bdiet tintterroga numru ta’ persuni u l-post baqa’ taħt moniteraġġ 24 siegħa kuljum.

Share With: