Titħabbar il-mewt tal-ex coach ta’ Inter, Gigi Simoni

L-ex coach ta’ Inter, Gigi Simaoni, rebbieħ tat-Tazza UEFA ma’ dan it-team li kien jinkludi lill-fenomenu Brażiljan, Ronaldo, miet fl-etá ta’ 81 sena.

B’kollox, Simoni mexxa bosta clubs fl-Italja, uħud minnhom aktar minn darba, flimkien mal-club Bulgaru CSKA Sofia f’karriera li damet aktar minn 30 sena.

Huwa ngħaqad ma’ Inter qabel l-istaġun 1997-98 fl-istess żmien li huma kienu ffirmaw lil Ronaldo mingħand Barcelona u mexxihom għat-tieni post tas-Serie A wara Juventus u għar-rebħ tat-Tazza UEFA, meta fil-finali kienu għelbu lil Lazio bl-iskor ta’ 3-0.

“Tgħallimt aktar jien minn Ronaldo, iktar milli huwa minni,” kien qal Simoni, li kien ilu mhux f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba wara li f’Ġunju li għadda kien sofra minn attakk tal-qalb.

Madankollu, huwa kien tneħħa minn Inter fl-istaġun sussegwenti f’Novembru, wara serje negattiva ta’ riżultati, ironikament, fl-istess ġurnata li huwa saħansitra kien rebaħ l-unur tal-‘Panchina d’Oro’ għall-Coach tas-Sena.

“L-istil ta’ ħajja tiegħu, kemm ta’ kuljum kif ukoll fil-football, qatt ma kienu xi ħaġa ta’ barra minn hawn. L-istil ta’ football tiegħu rrifletta dan: kien wieħed umli, funzjonali u kapaċi li jagħti l-massimu ta’ dak li kellu x’joffri,” qalu Inter fi stqarrija ufficjali.

“Dan hu l-mod kif niftakruh: b’xagħru bajda, bl-uniformi ta’ Inter, waqt li huwa kien isegwi mill-qrib il-maġiji li kien kapaċi joffri Ronaldo bi tbissima fuq wiċċu.”

Qabel imbarka fuq karriera ta’ coach, Simoni kien ukoll player, fejn kellu tliet esperjenzi diversi ma’ Genoa, tnejn ma’ Napoli u Pisa waqt li fost oħrajn mexxa wkoll lil Lazio bħala coach.

Share With: