Tittieħed azzjoni sabiex ġenituri ma jirreġistrawx l-isem bil-Malti ta’ wliedhom ħażin fir-Reġistru Pubbliku

Wara li nhar is-Sibt li għadda rrapportajna kif dawk il-ġenituri li jagħżlu li jsemmu lil uliedhom b’isem Malti qed ikollhom jirreġistrawh ħażin għax ir-Reġistru Pubbliku għad m’għandux sistema moderna li biha l-ismijiet tat-tfal ikunu jistgħu jinkitbu bl-ittri tal-Malti li ma jinstabux fl-alfabett Ingliż, is-sitwazzjoni se tkun qed tinbidel fil-ġimgħat li ġejjin.

“Numru ta’ ġimgħat ilu tlabt li din l-anomalija titranġa bl-użu ta’ sistemi ġodda tal-IT. Fi żmien qasir, se nara li dan it-tibdil jidħol fis-seħħ,” sostna s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u Komunitajiet Alex Muscat. 

F’ilment li ppubblikat fuq il-paġna tagħha fuq il-midja soċjali, l-Akkademja tal-Malti saħqet li kemm-il darba kienet ilmentat dwar dan in-nuqqas. Fil-kumment tagħha l-Akkademja fakkret li l-alfabett uffiċjali tal-Malti ġie rikonoxxut mill-Gvern 86 sena ilu.

Intant l-Aġenzija Identity Malta kompliet taħdem fuq soluzzjoni sabiex dan il-bdil ikun possibbli bl-iktar mod faċli u inqas burokratiku. Is-sistema l-ġdida tal-IT tar-Reġistru Pubbliku diġà tippermetti l-użu tat-tipa Maltija, iżda ried isir xogħol biex is-sistema l-ġdida tkun aċċessibbli u tkun tista’ tikkomunika b’mod faċli ma’ sistemi oħra li diġà qed jaħdmu fis-settur pubbliku.

Għaldaqstant, qed issir ħidma kollettiva biex dawn is-sistemi, li ilhom hemm is-snin u li oriġinarjament ma ġewx iddiżinjati għal din il-faċilità, ikunu jistgħu jilqgħu għal dan it-tibdil. B’hekk inkunu nistgħu nibdew noffru dan is-servizz mill-aktar fis possibbli. 

F’abbozz ta’ emendi għal-liġijiet li kien diġà tħejja u li se jkun qed jitressaq daqt, se jagħmilha possibbli biex f’dawk il-każijiet fejn hu meħtieġ li ssir din it-tip ta’ korrezzjoni minuri għall-isem, isiru b’sempliċiment talba lid-direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn li l-applikant jagħmel rikors fil-Qorti.

Share With: