Tmien xhur ħabs fuq serq minn ħwienet fil-Belt Valletta

Mario Grima ta’ 57 sena kien ikkundannat tmien xhur priġunerija effettiva wara li ammetta li seraq minn stabbilimenti u negozji fil-Belt Valletta. 

Huwa kien mixli li wettaq ħames serqiet meqjusa bħala sempliċi bejn Ottubru 2019 u Marzu 2020. Fost l-oġġetti misruqa kien hemm landa taż-żebgħa, żewġ fliexken whiskey, flixkun Amaretto, nuċċali tax-xemx u anke ċikkulata.

Grima kien mixli wkoll li kiser il-provvediment tal-libertà kkundizzjonata mogħtija lilu b’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati nhar il-11 ta’ Frar li għadda u li sar reċediv. 

Meta tressaq il-Qorti, huwa kien allega li dak li għamel, għamlu għax ma kellux x’jiekol, bil-Prosekuzzjoni ssostni li kieku tassew ma kellux x’jiekol ma kienx jisraq il-fliexken tal-whiskey li nstabu fir-residenza tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, qieset l-ammissjoni bikrija tiegħu, il-fedina penali u l-fatt li kiser ordni ta’ ħelsien ikkundizzjonat fuq serq sempli- ċi meta nstab ħati s-sena l-oħra. 

Kien għalhekk li sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u kkundannat tmien xhur priġunerija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee. Grima kien assistit mill-Avukat Christopher Chircop.

Share With: