“Toqtlux il-ġurati!”

L-espert tal-insetti Arnold Sciberras jisħaq li l-ġurat Eġizzjan mhuwiex perikoluż u ma jattakkax

minn Carmen Cachi

Diversi persuni beżgħu wara li sabu quddiem wiċċhom speċi ta’ ġurat li jaħsbu li ġej mill-Eġittu u qalu li huwa perikoluż minħabba li jattakka. Inewsmalta.com għamel intervista mal-bijologu u espert tal-insetti, Arnold Sciberras, fejn saħaq li dan il-ġurat huwa tal-ispeċi ‘Egyptian Grasshopper’ u li assolutament mhuwiex perikoluż. Dan il-ġurat huwa speċi li għandna minnu f’Malta u m’għandniex għalfejn nibżgħu minnhom. Sciberras qal li huwa importanti ħafna li ma noqtlux lil dawn il-ġurati u li l-midja soċjali, daqs kemm tagħmel ġid, tista’ tagħmel il-ħsara minħabba li jkun hemm min jikkumenta fuq affarijiet li mhumiex korretti b’konsegwenza li jbeżżgħu lill-pubbliku.

Il-ġurat li qajjem pjuttost ftit ta’ paniku din il-ġimgħa huwa l-“Anacridium Aegyptium” jew l-Egyptian grasshopper, aktar magħruf bħala l-ġurat tar-raba’. Din l-ispeċi ta’ ġurat hija komuni fil-maġġorparti tal-Ewropa u f’żoni tropikali Afrikani. Huwa wieħed mill-akbar ġurati tal-ispeċi tiegħu fejn adult maskili jikber sa 5.6 ċentimetri, mentri dawk femminili jikbru sa 7 ċentimetri. Il-kulur tiegħu huwa ġeneralment griż, kannella jew kulur iż-żebbuġ u l-ġwienaħ huma trasparenti bi ftit marki suwed fuqhom. Id-dieta tiegħu hija magħmula minn weraq u pjanti.

Ġurat bla sikkina u ma jagħmilx ħsara lill-agrikoltura

Arnold Sciberras huwa wkoll espert fil-kontroll tal-immaniġjar tal-insetti, naturalista u entomoloġista (espert tal-insetti) fejn qalilna li għalkemm dan il-ġurat huwa ta’ distribuzzjoni kbira, huwa wkoll solitarju u għalhekk normalment ma jkunx f’kolonji kbar li jagħmlu ħsara lill-agrikoltura bħalma jagħmlu d-Desert Locust. L-Egyptian grasshopper mhuwiex locust u din hija differenza kbira. Il-ġurati huma solitarji, jiġifieri joqogħdu waħidhom jew inkella jkunu f’popolazzjonijiet żgħar u għaldaqstant mhumiex raġuni ta’ tħassib.

“Kull darba li jitla’ ritratt fuq il-Facebook jipprovaw ibeżżgħu lin-nies u dan huwa wieħed minn dawn il-każi. Dan il-ġurat ma jiġix mill-Eġittu. Huwa jkattar b’mod prolifiku hawn Malta, ma jagħmilx għan-nies jew jattakkahom lura u lanqas jagħti s-sikkina. Dan huwa għajdut ieħor li l-ġurati jagħtuk is-sikkina, għax dawn għandhom biss tip ta’ labar żgħar fuq is-saqajn ta’ wara biex jimbottaw u jaqbżu bihom biss,” spjega l-bijologu.

L-espert tal-insetti qal li huwa ħażin ħafna li n-nies qegħdin jipprovaw joqtluhom. Huwa żied jgħid li, “dan huwa annimal indiġenu li ma ġiex introdott. Huwa annimal li jagħmel il-ġid għax huwa parti mill-ekonsistema”. Sciberras insista li n-naqra ħsara li dan il-ġurat jista’ jagħmel hija li meta jbejjed viċin xi pjanta, jista’ jkun li bħal kull insett jew annimal ieħor, jattakka u jiekol dik ix-xitla.

Din is-sena n-naturalista qalilna li għall-insetti, kienet sena verament tajba għax minħabba l-Covid-19 in-nies baqgħu ġewwa u allura ħafna min-natura florixxiet. “Dan il-ġurat ħa din l-opportunità wkoll u din is-sena rajna ftit numri sbieħ li żdiedu aktar mis-soltu,” qal bi tbissima Sciberras. 

L-Egyptian grasshopper huwa l-akbar ġurat li għandna hawn Malta residenti, imbagħad għandna madwar żewġ tipi ta’ ġurati oħra li skont Sciberras hemm minnhom kbar li jpassu u hemm oħrajn li jpassu u jbejtu hawn Malta f’numri żgħar ħafna. Huwa rrefera għall-Migratory locust u d-Desert locust.

Dan l-espert qalilna li dan l-insetti huwa interessanti ħafna fejn iż-żgħir tiegħu jkun bla ġwienaħ u jiġi f’ħafna forom ta’ kuluri fosthom aħdar, kanella, beige, jew il-kulur tal-pjanta li jkun fuqha bil-għan li jistaħba. Meta dan isir adult jista’ wkoll ivarja f’diversi kuluri, però l-mara ħafna drabi fiha d-doppju tar-raġel.

Mistoqsi x’wieħed għandu jagħmel jekk isib wiċċu ma’ ġurat ta’ dan it-tip, Sciberras qal li dak li jkun m’għandux għalfejn jibża’ jew jinkwieta. “Għandek titpaxxa u tieħu ritratti għall-biodiversità tal-ispeċi li għandna hawn Malta u dan il-ġurat mhuwiex oġġett ta’ problema,” kompla n-naturalist. 

Huwa qal li bħala espert fil-kontroll tal-pesti ġieli jkollu sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ftit popolazzjonijiet li jkun hemm bżonn ikunu ikkontrollati, jew jitpoġġew x’imkien ieħor, jew inkella jużaw xi bexx biex igerxuhom, però dan il-ġurat mhuwiex insett ta’ min jinkwieta fuqu bħal per eżempju fil-każ tal-bagħal taż-żunżan (Hornets).

Influwenza żbaljta mill-midja soċjali…

L-espert saħaq li, “il-ġurat ma jigdimx u impossibbli li jigdem lil xi ħadd. Lanqas jekk taqbdu u tpoġġilu ħalqu ma’ idejk. Dan ma jistax jigdmek. Il-grillu, li huwa mill-istess familja, jista’ jkun li jigdmek jekk taqbdu u trosslu ħalqu ma’ jdejk. Imma l-bqija, dan huwa żgur annimal li ma jigdimx”.

L-influwenza żbaljata mill-midja soċjali sseħħ meta xi ħadd b’kurżità jtella’ ritratt u kulħadd jibda jfajjar dak li jaħseb. Sciberras spjega li, “ma jfissirx li dak kollu li jintbagħat u jingħad fuq il-midja soċjali huwa korrett. Inħeġġeġ lill-pubbliku biex jistaqsi lill-esperti diretti, li vera jkunu esperti f’dan is-suġġett u dan jingħad għal fejn jidħol l-identifikazzjoni tal-ispeċi u anke għall-kontroll jekk dan l-ispeċi jkun xi pest, li fil-każ ta’ dan il-ġurat, mhuwiex.” 

Arnold Sciberras appella biex nirrikorru l-mistoqsijiet tagħna lill-esperti u biex ma nagħtux kas ta’ kull ħaġa li jgħidu n-nies għax, “dawk in-nies li tismagħhom jgħidu ‘jaqq, jaqq, għaffeġ, għaffeġ’, hija ħasra u injoranza. Ħafna drabi din tkun fobja u jkunu qegħdin jibżgħu mill-oġġett li m’għandhomx għarfien dwaru”.

Dan l-espert tal-insetti offra li dejjem lest jagħti l-informazzjoni lil kull min ikollu diffikultà billi jagħmlu kuntatt miegħu fuq il-midja soċjali. 

Share With: