Trump: Il-coronavirus oriġina minn laboratorju f’Wuhan

Il-coronavirus li s’issa ħalla aktar minn 230,000 persuna mejta u ġab għarkupptejhom l-ekonomiji dinjin oriġina minn laboratorju fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan. Qal dan il-President Amerikan Donald Trump hekk kif kompla bl-attakki tiegħu fil-konfront taċ-Ċina.

“Iva rajt, iva rajt” wieġeb Trump lill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet fil-White House meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk rax xhieda li ssostni dak li kien qed jgħid. Huwa żied jgħid li l-marda oriġinat mill-Wuhan Institute of Virology.

Madankollu Trump naqas milli jagħti aktar dettalji, ħlief li l-awtoritajiet jinsabu għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom, u li r-riżultat ta’ din l-investigazzjoni se tkun qed tiġi ppubblikata fi żmien qasir.

Fl-istess waqt huwa żied jgħid li ma riedx iżomm lill-President Ċiniż Xi Jinoing responsabbli ta’ dan kollu. “Iżda ċertament din setgħet ġiet imwaqqfa. Il-marda ħarġet miċ-Ċina u setgħet ġiet imwaqqfa. Nixtieq li waqqfuha u hekk ukoll tixtieq il-kumplament tad-dinja.”

Qabel ma jżomm liċ-Ċina akkontabbli għall-pandemija tal-coronavirus, Trump qal li jrid isir jaf x’ġara ezattament.

Share With: