“Vjaġġi protetti” bejn Malta u Sqallija biex nirkupraw mill-pandemija?

Minn MELVIN FARRUGIA

Biex nirkupraw mill-effetti li ħalliet il-Coronavirus, b’mod speċjali fis-settur turistiku, hemm operaturi turistiċi li qed jissuġġerixxu li għandhom isiru vjaġġi protetti bejn Sqallija u Malta biex terġa’ tibda ddur ir-rota ekonomika. 

Dawn l-operaturi qed jgħidu li dan għandu jsir, fl-istess waqt li jkunu rispettati d-direzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Jispjegaw li peress li Sqallija u Malta huma żewġ gżejjer, allura jistgħu jiġu kkontrollati aktar faċilment u mhux ta’ b’xejn li n-numri ta’ każi tpoġġew taħt kontroll aktar minn postijiet oħra. 

Jidher li dawn l-operaturi huma lesti li jadottaw kull prekawzjoni li hemm bżonn f’termini ta’ saħħa u sigurtà, biex ikunu jistgħu jgħinu fl-irkupru fis-settur turistiku (u mhux biss) waqt l-istaġun tas-sajf. 

Fost l-oħrajn, jemmnu li għandhom isiru vjaġġi siguri bil-katamarann bejn Pozzallo u Malta. Jgħidu li dan il-katamarann hu wieħed mill-akbar fid-dinja u għalhekk joffri garanzija ta’ sigurtà lill-passiġġieri, filwaqt li jivvjaġġaw f’kumdità. 

L-aħħar kelma mistennija tkun tal-awtoritajiet taż-żewġ gżejjer, li filwaqt li qed jirrispettaw il-kundizzjonijiet kollha tas-sigurtà biex ma jkomplix it-tixrid tal-virus, jistgħu anke jikkonsidraw din il-proposta biex isalvaw l-ekonomiji taż-żewġ gżejjer. 

Share With: