ŻfinMalta tniedi sejħa għal apprentisti; L-awdizzjonijiet skedati għal Ġunju 2020

ŻfinMalta, il-kumpanija nazzjonali taż-żfin, qed tfittex żeffiena apprentisti femminili u maskili għat-tim artistiku tagħha għall-istaġun li ġej. Għal dan il-għan, l-awdizzjonijiet ser ikunu qiegħdin isiru bejn it-8 u l-10 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Iż-żewġ applikanti magħżula se jiġu offruti kuntratt ta’ impjieg fuq bażi full-time mal-kumpanija, minn Settembru 2020 sa Lulju 2021.

Il-programm ta’ apprentistat ta’ ŻfinMalta se joffri opportunità liż-żeffiena magħżula biex jaħdmu ma’ żeffiena u korijografi professjonali, lokali u internazzjonali, f’kumpanija li l-livell ta’ eċċellenza tagħha u magħruf sew fuq is-suq internazzjonali. Minbarra l-opportunità biex jitħarrġu mal-kumpanija, l-apprentisti se jkunu qed jiżfnu f’teatru lokali u internazzjonali. Barraminnhekk, tul l-istaġun, l-apprentisti se jkollhom żeffiena mill-kumpanija ddedikata biex flimkien mad-direttur artistiku tigwidhom lejn attitudni iktar professjonali fid-dinja tax-xogħol bħala żeffiena. Dan filwaqt li se jkunu qed jgħaddulhom għarfien dwar kif toħloq portafoll professjonali, showreel, informazzjoni dwar awdizzjonijiet għal kumpaniji professjonjali u ħafna tagħrif ieħor.

Iż-żeffiena magħżula jrid ikollhom bejn it-18 u t-22 sena, u għandhom ikollhom bażi b’saħħitha fil-ballet klassiku u fiż-żfin kontemporanju. Żeffiena femminili għandhom ikunu kunfidenti fil-pointe ukoll.

“Bħal kull forma oħra tal-arti, iż-żfin huwa karriera professjonali. Bħala l-kumpanija nazzjonali ta’ Malta, ŻfinMalta mhix biex impennjata li tippreżenta żfin tal-aqwa kwalità, iżda wkoll li tistabbilixxi karriera għal żeffiena Maltin. Ninsabu ħerqana ħafna li qed nniedu dan il-programm t’apprentistat bi ħlas, li se jħejji t-triq għat-talent lokali biex jilħqu l-għan tagħhom li jagħmlu professjoni miż-żfin.”

Stqarr Paolo Mangiola, id-direttur artistiku ta’ ŻfinMalta.

L-applikanti huma mitluba jimlew il-formola tal-applikazzjoni fuq www.zfinmalta.org/opportunities/, u jehmżu ritratt tal-wiċċ u ieħor tal-persuna sħiħa, CV, kif ukoll filmat qasir ta’ mhux iktar minn żewġ minuti. L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sat-3 ta’ Ġunju.

 L-applikanti magħżula jiġu mistiedna jattendu awdizzjoni bejn it-8 u l-10 ta’ Ġunju, u ż-żeffiena magħżula mill-ewwel fażi ta’ imbagħad jiġu msejħa sabiex jaħdmu maż-żeffiena tal-kumpanija bejn il-11 u t-13 ta’ Ġunju. Finalment, iż-żewġ żeffiena magħżula jiġu offruti kuntratt ta’ impjieg mal-kumpanija.

ŻfinMalta tixtieq tissottolinja li tul dan il-proċess, kull miżura ta’ prekawzjoni meħtieġa fir-rigward tal-COVID-19 ser tkun qed tiġi implimentata, in linja mar-regolamenti dwar is-saħħa pubblika, sabiex jiġu mħarsa kemm l-impjegati ta’ ŻfinMalta, kif ukoll l-applikanti nfushom.

Interessat fi ŻfinMalta? Segwina fuq facebook (@zfinmalta) u Instagram (@zfinmalta), jew żur is-sit www.zfinmalta.org għall-avvenimenti, produzzjonijiet, u podcasts kollha tagħna!

Share With: