10,000 persuna qed jiġu infettati kuljum bil-Covid-19 fl-Indja

L-awtoritajiet Indjani riċentament bdew inaqqsu ftit ftit il-miżuri ta’ lockdown li kienu ntiżi biex inaqqsu l-pandemija tal- Covid-19. 

Jidher iżda li huma kienu sfurzati li jnaqqsu l-miżuri minħabba raġunijiet ekonomiċi u dan jidher evidenti għax hekk kif ir-restrizzjonijiet bdew jitnaqqsu n-numru ta’ każijiet bdew jiżdiedu sostanzjalment. 

Tant hu hekk li qiegħed ikun irrapportat li ta’ kuljum qed ikun hemm 10,000 każ ġdid ta’ Covid-19, biex b’hekk issa n-numru ta’ persuni infettati huwa ta’ 275,000 persuna. L-Indja tinsab l-ħames post fid-dinja tal-iktar pajjiżi b’infezzjonijiet. 

Iċ-ċifra uffiċjali tgħid li n-numru ta’ mwiet kawża tal-pandemija ġewwa l-Indja huwa ta’ 8,000, iżda ħafna huma tal-fehma li l-verità n-numru huwa ferm ikbar minn hekk. 

Il-ġurnali l-pajjiż kellhom għadd ta’ rapporti li fihom qalu li għadd ta’ pazjenti tħallew litteralment imutu wara li ma ngħatawx kura minħabba li l-isptarijiet mhux ilaħħqu mad-domanda. Il-Gvern tal-pajjiż kellu jieħu miżuri drastiċi tant li ttrasforma għadd ta’ stadiums tal-cricket fi sptarijiet.

Rapporti fil-ġurnali rrapportaw ukoll li l-krematorji qegħdin isibuha diffiċli biex ilaħħqu mad-domanda. 

Share With: