“75 sena ilu għażlu li jibqgħu siekta…. nifraħilkom li llum qegħdin titkellmu” – Edith Eger, mara li rnexxielha tibqa’ ħajja fl-olokawst

Minn VICTOR VELLA

Mill-Istati Uniti, għall-Ewropa, l-Awstralja u postijiet oħrajn. Rajna protesti wara protesti. Ammonti kbar ta’ nies jesprimu r-rabja tagħhom għal mewt ta’ Amerikan Afrikan li miet f’idejn il-Pulizija. Mewt li seħħet wara li wieħed mill-Pulizija poġġa irkopptejh fuq għonq l-istess Floyd għal tmien minuti. Tnedew diversi movimenti li l-messaġġ tagħhom spikka ‘Black Lives Matter’.  Protesti li ma kellhomx raġuni, imma kellhom rabja kbira għal forzi tal-ordni u l-element razzist li xi wħud għandhom fi ħdanhom. 

Fl-aħħar jiem tkellimt ma’ persuni li salvaw mill-olokawst ta’  75 sena ilu. Oħrajn tkellimna mal-qraba tagħhom. Tistaqsihom fuq dak li qed jiġri? Fuq dak li qed jaraw b’għajnejhom f’dawk il-protesti. Jagħmlulek żewġ riflessjonijiet.  Dik li għallinqas id-dinja qed tirreaġixxi mhix qed tibqa’ siekta kif ġara 75 sena ilu meta kienu jafu x’kien għaddej imma kulħadd dawwar wiċċu. Ma jiqfux hemm. Ifakkru li kollox jibda mill-mibegħda. Tobgħod illum, tobgħod l-għada, iċ-ċirkostanzi imbagħad jeħduk f’estremitajiet ta’ ġenoċidji.  Xi ħaġa li seħħet u li baqgħet isseħħ anke wara l-olokawst b’diversi ġenoċidji madwar id-dinja. U minn hawn tifhem għaliex xi wħud li salvaw mill-olokawst jenfasizzaw li “dak li seħħ, jista’ jerġa’ jseħħ. Forsi mhux it-tfal tagħkom, lanqas uliedhom imma ulied uliedhom”.

Edith Eger hi waħda minn dawk li baqgħet ħajja mill-olokawst. Bi storja warajha li tħallik bla kliem. Iffaċċjat tbatija u mibegħda kbira.

Tikkummenta bla tlaqlieq lejn dak li qed tara jiġri quddiemha. Tgħid li “fi żmieni, eżattament fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, ħafna nies kienu għażlu li jibqgħu siekta quddiem dak li kien qed jiġri. Ma tkellmux fuq dak li kien għaddej.”

Tenfasizza li “nifraħ lil dawk li lum qed isemmgħu leħinhom.  Illum intom qegħdin titkellmu. Nifraħilkom li għandkom il-volontà u qegħdin tirrikonoxxu li jekk inti għandek kulur tal-ġilda differenti għandek drittijiet daqs ħaddieħor. Persuna ta’ ġilda skura fl-Isati Uniti tista’ tkun innoċenti imma tispiċċa akkużata għal xi ħaġa li hi qatt m’għamlet.  Għalhekk irrid nirringrazzja lil dawk kollha huma fejn huma u li huma parti minn dan il-moviment. Moviment li fih aħna nista’ nsaħħu lilna nfusna bid-differenzi li jeżistu bejnietna.  Ħadd m’għandu jkun sfurzat, li jumilja ruħu quddiem ħaddieħor għax b’saħħtu aktar.

Aħna kollha twelidna bl-imħabba u bil-ferħ. L-imħabba se tirbaħ fuq kollox f’kull żmien.  Jien irrid nagħti ħafna tama f’dan iż-żmien ta’ diffikultà u ta’ tranżizzjoni. Nittama li nwaqqfu l-preġudizzju. Jien qed nitkellem bħala persuna li esperjenzajt il-preġudizzju snin ilu.”

Share With: