Ir-restrizzjonijiet kollha relatati mal-Covid se jitneħħew din il-ġimgħa

Ir-restrizzjonijiet kollha marbutin mal-Covid-19 se jkunu qed jitneħħew sa nhar il-Ġimgħa li ġej, bl-ajruport se jiftaħ mill-ġdid fl-1 ta’ Lulju. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha emfasizza li Malta qed tirritorna lura għan-normalità.

Huwa rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li għal dawn ix-xhur u ġimgħat kien dixxiplinat, liema dixxiplina wasslet biex l-imxija tkun ikkontrollata tant tajjeb.

Fl-istess waqt irrijafferma li r-restrizzjonijiet kollha li ġew introdotti s’issa biex l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna tkun ikkontrollata se jkunu qed jitneħħew.

“It-tieni mewġa ta’ każi ma mmaterjalizzatx u l-każi attivi baqgħu jirreġistraw tnaqqis,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa għamel referenza għall-mini-baġit li sejkun qed jitħabbar nhar it-Tnejn li ġej, liema baġit se jkollu miżuri li se jkomplu jinċentivaw lin-negozji.

Il-Prim Ministru kkonferma wkoll li l-ajruport se jkun qed jiftaħ mill-1 ta’ Lulju li ġej. Għall-bidu s-servizzi se jkunu offruti lil lista ta’ 19-il pajjiż. Il-lista ta’ pajjiżi se tkun tinkludi lill-Iżlanda, is-Slovakkja, Ċipru, il-Litwanja, Iżrael, il-Latvija, in-Norveġja, l-Iżvizzera, l-Estonja, id-Danimarka, l-Ungerija, l-Awstrija, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda u l-Finlandja.

Il-Prim Ministru saħaq li ċerti protokolli se jibqgħu fis-seħħ, bħal aspetti ta’ social distancing u l-ħtieġa ta’ l-ilbies ta’ maskri u iġjene. Madankollu saħaq li r-restrizzjonijiet li kienu jimpedixxu lil persuna milli tipprova ħwejjeġ fi ħwienet, issa se jkunu qed jitneħħew.

Fl-istess waqt qal li kulħadd se jkun qed jirritorna lura għax-xogħol.

Il-miżuri biex tkun ikkontrollta l-pandemija tal-Covid-19 bdew jiddaħħlu fis-seħħ wara li kien ġie resġistrat l-ewwel każ fis-7 ta’ Marzu li għadda.

Ħwienet mhux essenzjali tħallew jiftħu mill-ġdid fl-4 ta’ Mejju, b’ristoranti u hairdressers jitħallew jilqgħu mill-ġdid lill-klijentela tagħhom il-ġimgħa li għaddoet.

L-R Factor niżel għal 0.5

Intant id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-R Factor ta’ Matla issa huwa ta’ 0.5. “Dan jippermettilna li nkunu nistgħu nneħħu r-restrizzjonijiet kollha li impnejna matul dawn il-ġimgħat,”tenna id-Deputat Prim Ministru.

Fl-istess waqt minkejja li qal li Malta se tkun qed tirritorna lura għan-normalità, Fearne qal li xorta waħda jeħtieġ li nibqgħu fuq allert.

Huwa emfasizza li l-awtoritajiet tas-saħħa għandhom fis-seħħ sistemi ta’ twissija biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw b’mod immedjat każi ġodda.

Fl-istess waqt Fearne irrijafferma li l-prijorità tal-awtoritajiet se tibqa’ tkun is-saħħa pubblika.

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li l-istrateġiji tal-awtoritajiet tas-saħħa kienu bbażati fuq evidenza xjentifika, u programm wiesgħa ta’ testing u contact tracing.

Saħqet li l-kwarantina ta’ persuni affettwati mill-virus kienet essenzjali biex il-pandemija tibqa’ taħt kontroll u l-virus ma jinfirixx.

Fl-istess waqt saħqet li l-istess kif l-awtoritajiet tas-saħħa mmoniterjaw ir-rilassar ta’ restrizzjonijiet fil-ġimgħat li għaddew, l-istess se jkunu qed jagħmlu issa.

Filwaqt li qalet li childcare centres se jerġgħu jiftħu mill-ġdid, se jibqgħu fis-seħħ protokolli biex tkun żgurata s-saħħa tat-tfal. Il-Professur Gauci qalet li fost oħrajn dawn il-protokolli se jkunu jinkludu numru iżgħar ta’ tfal flimkien. Hija qalet ukoll li ċerti avvenimenti jistgħu jerġgħu jibdew jiżvolġu, madankollu avvenimenti tal-massa xorta se jibqgħu pprojbiti.

Intant meta mistoqsi dwar il-maħfra tal-multilil dawk li kisru r-restrizzjonijiet ta’ social distancing, il-Prim Ministru qal li dawn il-każijiet se jkunu deċiżi mit-tribunali lokali. F’każ li jinstabu ħatja bi ksur ta’ restrizzjonijiet, wieħed jista’ jappella mis-sentenza.

Il-Prim Ministru emfasizza li dawk li abbużaw għandhom iħallsu, madankollu hemm każi ġenwini, l-aktar fost anzjani, li sfaw immultati waqt li kienu qed jixtru affarijiet essenzjali. Filwaqt li tenna li qatt ma tkellem dwar amnestija awtomatika, fl-istess waqt saħaq dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu li jassigura li ma jkunx hemm inġustizzji ma’ persuni ġenwini.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna lil immigranti irregolari li qed jinżammu fuq vapuri, il-Prim Ministru saħaq li jittama li tinstab soluzzjoni qabel ma l-portijiet jerġgħu jiftħu mill-ġdid. Tenna li l-Gvern se jibqa’ jinsisti li l-Unjoni Ewropea terfa’ sehem f’dan il-piż.

Share With: