Aktar minn terz ta’ dawk impjegati f’April kienu jaħdmu mid-dar

Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, matul ix-xahar ta’ April, 62% tal-persuni li kellhom xogħol ħassew li l-impjieg tagħhom kien affettwat minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 

Minħabba s-sitwazzjoni attwali, fejn id-distanza soċjali hija meqjusa bħala prijorità, bosta persuni li jħaddmu għamlu l-arranġamenti meħtieġa biex huma u l-impjegati tagħhom jaħdmu mid-dar. Fil-fatt, ġiet irreġistrata żieda qawwija fl-aħħar ġimagħtejn ta’ Marzu fejn 33%vtal-persuni impjegati kienu jaħdmu mid-dar. Dan is-sehem ġie sostnut f’April. Qabel is-sitwazzjoni COVID-19, 12 % biss tal-persuni impjegati kollha kienu jaħdmu mid-dar. 

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt fuq id-distribuzzjoni tal-ħin tax-xogħol. Tlieta minn kull għaxar persuni esperjenzaw tnaqqis fin-numru ta’ sigħat ta’ xogħol matul April.  Matul April, l-impjegat ħadem medja ta’ 29 siegħa fil-ġimgħa, li jfisser tmien sigħat inqas meta mqabbel mal-medja ta’ sigħat attwali fil-ġimgħa fl-2019.

Minħabba ċ-ċirkostanzi ekonomiċi li rriżultaw wara l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ miżuri tas-saħħa, kien hemm nuqqas ta’ xogħol li kien jammonta għal 39% tar-raġunijiet kollha biex jaħdmu inqas sigħat mis-soltu.

Minħabba l-Covid-19, 7% tal-impjegati ħadmu aktar sigħat ta’ xogħol, medja ta’ 48 siegħa fil-ġimgħa matul ix-xahar ta’ April. Fl-aħħar ġimgħatejn ta’ Marzu u f’April, 62% ħadmu sigħat normali ta’ xogħol.

Share With: