Aktar siti ta’ Heritage Malta se jinfetħu mill-ġdid f’Lulju

Skont il-miżuri tas-saħħa li qed jittieħdu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u b’rispons għall-interess tal-pubbliku biex iżur is-siti kulturali, Heritage Malta qiegħda tħabbar il-ftuħ mill-ġdid ta’ numru ta’ siti oħra f’Lulju.

Mill-1 ta’ Lulju, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, MUŻA, Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra se jiftħu għall-viżitaturi mill-Erbgħa sal-Ħadd (mill-10.00am sas-6.00pm; l-aħħar dħul fil-5.30pm). Dħul bla ħlas għall-viżitaturi kollha, sakemm jiġi mħabbar mod ieħor.

Mis-7 ta’ Lulju, il-Palazz tal-Inkwiżitur, id-Domvs Romana, Ta’ Ħaġrat, Skorba, il-Mużewijiet u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella se jiftħu għall-viżitaturi kull nhar ta’ Tlieta u Sibt (mill-10.00am sal-5.00pm; l-aħħar dħul fl-4.30pm). Dħul bil-prezz regolari.

Mit-8 ta’ Lulju, it-Tempji ta’ Ħal Tarxien, tal-Ġgantija, Ħaġar Qim u l-Mnajdra, il-Katakombi ta’ San Pawl, u Forti Sant’Anġlu se jiftħu għall-viżitaturi mill-Erbgħa sal-Ħadd (mill-10.00am sas-6.00pm; l-aħħar dħul fil-5.30pm). Dħul bil-prezz regolari.

L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni ser jiftaħ mill-ġdid nhar it-Tnejn, 6 ta’ Lulju. Il-biljetti inkluż il-‘last minute tickets’ ser ikunu jistgħu jinxtraw onlajn fil-jiem li ġejjin. Il-biljetti għall-awdjoviżiv se jibqgħu sospiżi. Mis-6 sad-19 ta’ Lulju, il-biljetti kollha għad-dħul fl-Ipoġew se jkunu nofs prezz. Mill-20 ta’ Lulju ‘l quddiem, il-biljetti se jkunu bil-prezz regolari.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li l-Aġenzija tinsab imħejjija biex tkompli tiftaħ il-bibien ta’ aktar siti u mużewijiet. Is-Sur Zammit qal li mix-xahar id-dieħel mistennija l-ewwel turisti f’pajjiżna, li flimkien mal-Maltin, huma fiċ-ċentru tas-servizz li toffri Heritage Malta. Stqarr li matul l-imxija tal-COVID-19, Heritage Malta addattat l-operat tagħha biex tassigura li l-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ kemm jista’ jkun qrib tal-wirt storiku tiegħu.

Għal aktar informazzjoni, żur www.heritagemalta.org 

Share With: