Alejandro Gomez kuntent għar-rebħa drammatika kontra Lazio

L-attakkant veteran ta’ Atalanta Alejandro Papu Gomez deher kuntent wara li t-team tiegħu dawwar telfa f’rebħa biex għeleb lil Lazio bl-iskor ta’ 3-2 hekk kif intlagħbet is-27 ġurnata tal-kampjonat tas-Serie A.

Huwa qal li ma kienx sorpriż li t-team dawwar riżultat ta’ 2-0 għal wieħed ta’ 3-2 minħabba li l-coach, Giampiero Gasperini, daħħal fil-players tiegħu attitudni offensiva. Huwa ammetta wkoll li t-team jista’ jimmira għal iktar riżultati pożittivi hekk kif fadlilhom 11-il logħba oħra. 

Wara auto-goal ta’ Marten de Roon u goal ta’ Sergej Milinkovic-Savic fil-bidu tal-partita, Atalanta dawru l-iskor favurihom grazzi għal Robin Gosens, Ruslan Malinovskyi u Jose Luis Palomino.

Diversi kienu dawk il-partitarji ta’ Atalanta li minkejja li ma setgħux imorru fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia, instemgħu jdoqqu l-ħornijiet tal-karozzi tagħhom b’sinjal ta’ sodisfazzjon li waslu għal dan ir-riżultat drammatiku. 

B’dawn it-tliet punti, il-Bergamaschi saħħew ir-raba’ post tal-klassifika li jfisser post fil-UEFA Champions League.

Share With: