Anzjan iċċertifikat mejjet wara li ttella’ mill-baħar f’Tas-Sliema

Raġel ta’ 75 sena residenti Tas-Sliema, sfortunatament tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jgħum fil-Bajja tal-Exiles.

Kienu għall-ħabta tat-8:00 a.m meta l-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza minħabba li persuna kienet tinsab f’diffikultà fil-baħar. Minnufih fuq il-post marru l-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, fejn hemmhekk sabu persuna bla ħajja fuq il-blat.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel x’aktarx sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum. Huwa ttella’ mill-baħar minn xi persuni li kienu fl-akwati hekk kif innutaw lir-raġel wiċċu l-isfel fl-ilma. Ir-raġel ingħata l-ewwel assistenza minn tim mediku tal-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament huwa tilef ħajtu u ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Josette Demicoli li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ mill-Pulizija tad-Distrett għadhom
għaddejjin.

Share With: