Arrigo Sacchi – Inter għadhom fit-taqtiegħa għar-rebħ tas-Serie A

L-ex coach ta’ AC Milan, Arrigo Sacchi, wissa lill-kritiċi tal-football Taljan li bħal qishom qatgħu barra lil Inter mir-rebħ tal-kampjonat.

Hekk kif qal li t-tkomplija tas-Serie A huwa pass kbir lejn in-normalitá, importanti li Juventus u Lazio jibqgħu jħarsu sew lejn Inter li jistgħu joħolqu s-sorpriża u jagħmlu rimonta kbira.

Inter jinsabu disa’ punti bogħod minn Juventus fil-klassifika għalkemm għandhom logħba inqas minnhom.

Sacchi faħħar l-atteġjament tal-coach ta’ Inter Antonio Conte li anke waqt il-waqfa ta’ Covid-19 xorta baqa’ għaddej jipprepara s-sessjonijiet ta’ taħriġ tiegħu. Huwa għalhekk li Sacchi qal li bniedem bħal Conte ma jaqta’ qalbu qatt u meta għad fadal 12-il ġurnata għat-tmiem, kollox għad jista’ jiġri.

Share With: