Bjorn Vassallo: “It-tneħħija tal-parametri tagħti dimensjoni ġdida lill-football Malti

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fis-sala tal- konferenzi tas-Centenary Stadium, il-president tal-MFA Bjorn Vassallo u s-segretarju ġenerali, Angelo Chetcuti, spjegaw fid-dettall ir-regolamenti, il-miżuri l- ġodda u r-riformi li kienu deċiżi ftit tal-ġranet ilu u li jirrigwardjaw it-trasferimenti u l-parametri tal-players li se jiġu fis-seħħ fl-istaġun li ġej, 2020/21.

Dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu wara l-laqgħa tal- kunsill li saret aktar kmieni din il-ġimgħa.

Fil-fatt waqt l-istess laqgħa (li saret permezz ta’ video conference) ġew aboliti l-parametri li kienu ilhom jeżistu għal ħafna żmien u li skond il-president Vassallo kienu qed jistaġnaw il-kar­riera ta’ players li ma kellhomx il-libertá li jiċċaqilqu ma’ liema clubs riedu.

Iżda issa dan kollu se jispiċċa hekk kif il-president tal-MFA sejjaħ din id-deċiżjoni bħala waħda storika.

Is-Sur Vassallo spjega fid-dettall il-proċess sakemm waslu għal din id-deċiżjoni li ġiet milqugħa b’pożittivitá mill-familja tal-football Malti.

Kollox beda fis-sena 2011 meta kien sar ftehim mal-Unjoni Ewropea tal- Players u sena wara bdew in-negozjati f’pajjiżna bejn dawk kollha involuti.

Minħabba li sa dak iż-żmien kien hemm pajjiżi li ma kinux qed jirrispettaw id-deċiżjoni tal-Qorti tal- Bosman Rule tal-1995, din il-kwistjoni ħadet xi ftit fit-tul għalkemm dejjem kien hemm tama li din id-deċiżjoni xi darba kienet se tasal.

Matul dan iż-żmien kien hemm ukoll appell mill- kummissarju għat-tfal f’Malta, Helen D’Amato, fejn saħqet li ma kinitx xi ħaġa ġusta li t-tfal ma setgħux jiċċaqilqu minn club għall-ieħor b’mod liberu.

Kien hawn li t-task force tal-UEFA ġiet f’Malta biex tara s-sitwazzjoni preżenti u tagħti l-fehmiet tagħha kif ukoll tgħin biex jiġu implimentati bl-aqwa mod possibbli aktar miżuri għat-tneħħija ta’ dawn il-pa­­­­ra­metri.

Kollox beda jiġi diskuss skond it-tema involuta u tfassal programm li kien fih linji gwida u li minnu ħarġu ħafna minn dawn id-deċiżjonijiet.

Is-Sur Vassallo qal li meta kien qed jokkupa l-kariga ta’ segretarju ġenerali fi ħdan l-MFA, huwa pprova jsolvi ċerti nuqqasijiet f’dawn ir-regolamenti.

Hu sostna li sal-istaġun li għadda kellhom joħorġu b’soluzzjoni minħabba li l-FIFA kienet se timplimenta sanzjonijiet kontra Malta. Kien għalhekk li l-MFA kellha d-dmir li tiftaħ is-suq u jsir pjan ta’ liberalizzaz­zjoni u fuq kollox titkisser l-burokrazija li kienet qed tirrenja.

Il-president tal-MFA qal li mill-istaġun li ġej se jkun hemm riforma wkoll fil- kompetizzjonijiet tal-MFA fejn it-Tieni u t-Tielet Diviżjoni se jiġu amalgamati f’kampjonat wieħed imsejjaħ National Amateur Football League.

Dawn ir-riformi waslu f’mument importanti għall-MFA li qed tiċċelebra l-120 anniversarju tagħha. Huwa tenna l-fatt li hawn madwar 13,000 persuna li għandhom x’jaqsmu mal- football Malti b’€1 miljun jitħallsu f’taxxi kull sena.

Huwa temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha involuti biex jasal dan il-ftehim storiku li se jagħti dimensjoni ġdida lill-football Malti sa mill-istaġun li ġej.

Dan kollu sar bi djalogu u diskussjoni matura għall-ġid ta’ kulħadd. Kien hawn fejn kulħadd kellu d-dritt jagħti l-opinjoni tiegħu u minn hemm ħarġu ħafna punti li ttieħdu f’kunside­razzjoni.

Fit-tieni intervent tal-ġurnata, is-segretarju ġenerali, Angelo Chetcuti, spjega fid-dettal diversi regolamenti u riformi li se jkunu qed jidħlu fis-seħħ fi ftit tal-ġimgħat oħra. Huwa qal li dan kien proġett kbir bejn il-clubs, il-players u l-Assoċjazzjoni nnifisha.

Dawn ir-regolamenti għan­dhom x’jaqsmu ma’ players professjonali u dawk imsejħa amateurs. Huwa sostna li għal diversi snin kien hemm kuntratt fiss li kien jgħodd għal kulħadd u dan forsi ma kienx qed jirrifletti s-sitwazzjoni preżenti.

Dawn ir-riformi ġew mibnija fuq diversi pilastri li fihom se jkunu protetti diversi players li fihom ikun hemm involut li jiġi rispettat il-kuntratt, il-mekka­niż­mu ta’ kumpens speċjalment jekk jinkiser il-kuntratt, ir-rekwiżiti ta’ players amateur, kriterji speċjali tal-kuntratt bejn il-players profes­sjonali u l-clubs u fuq kollox it-tneħħija tal-lista tat-trasferimenti li prattikament kien għadda żmienha.

L-Avukat Chetcuti qal ukoll li player amateur sa ftit tal-ġranet ilu seta’ jilgħab fil-kampjonati ż-żgħar tal-Assoċjazzjonijiet Membri u b’dan ir-regolament issa din il-ħaġa ma tistax tkompli.

Huwa qal li b’dis­kussjoni serja waslu għal dan il-ftehim li xejn ma kien faċli li jintlaħaq.

Share With: