“Black Lives Matter” fuq wara tal-flokkijiet tal-players tal-Premier League Ingliż

Il-players li jilagħbu fil-Premier League Ingliż se jkollhom miktub “Black Lives Matter” fuq wara tal-flokkijiet tagħhom meta jerġa’ jkompli dan l-istaġun. Dan kollu se jinbidel minflok l-isem tal-players li normalment naraw fuq wara tal-flokk.

Barra minn hekk  players li jilagħbu fl-ogħla diviżjoni Ingliża … jekk jagħżlu li jpoġġu rkopptejhom mal-art bħala sinjal kontra r-razziżmu jistgħu jagħmlu dan bil-barka tal-Premier League stess.

Anke players fil-Ġermanja urew ġesti ta’ solidarjetá mal-poplu li pprotesta wara l-qtil kiesaħ u biered taċ-ċittadin Amerikan, George Floyd.

F’dikjarazzjoni prinċipali li ħarġu l-players li jilagħbu f’dan il-kampjonat,  qalu li se jippruvaw iwasslu messaġġi biex tinqata’ darba għal dejjem il-mibegħda razzjali u l-preġudizzji marbuta magħha.

Fl-istess stqarrija, il-players jixtiequ jaraw soċjetá globali li tħaddan magħha rispett, inklużjoni u opportunitajiet indaqs irrispettivament mir-razza jew reliġjon li jħaddnu.

Barra minn hekk se tintuża arma bl-istess frażi “Black Lives Matter” fil-grounds kollha Ingliżi li fiha titqajjem kuxjenza dwar dan kollu. Barra minn hekk se jkun hemm arma oħra li fiha jkun hemm ringrazzjament speċjali lill-ħaddiema tal-NHS li ħadmu qatigħ sabiex jissieltu kontra l-pandemija tal-coronavirus.

Kien il-captain ta’ Watford, Troy Deeney, li kien strumentali biex dawn il-messaġġi jitwaħħlu mal-flokkijiet tal-players Ingliżi sal-aħħar ta’ dan l-istaġun. Il-partner ta’ Deeney, Alisha Hosannah, iddisinjat l-arma msemmija li tfakkar kemm kull persuna hi importanti u li m’hemmx differenzi bejn il-bnedmin.

Diversi timijiet li jilagħbu fil-Premier League Ingliż diġá ppubblikaw ritratti fuq il-mezzi soċjali bil-players b’irkoppa waħda mal-art xhieda ta’ kif inqatel l-istess George Floyd ftit tal-jiem ilu.

Sadanittant l-FA Ingliża qalet li se tkun qed tappoġġa din l-inizjattiva għax xogħlha hu li titħares l-ugwaljanza.

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tliet players li jilagħbu fil-Bundesliga Ġermaniża, jiġifieri, Jadon Sancho, Marcus Thuram u Achraf Hakimi, urew ir-rabja tagħhom lejn dan il-qtil billi ċċelebraw il-goals tagħhom filwaqt li riedu jwasslu messaġġ li dan il-qtil barbaru kien wieħed ta’ min jikkundannah.

Share With: